Saturday, August 9, 2025

Snorkelling, mawra bid-dgħajsa u cleanups fost ġimgħa t’attivitajiet minn Ambjent Malta għall-‘Marine Awareness Week’

Aqra wkoll

Dawriet bid-dgħajsa, snorkelling bi gwida, tindif tal-bajjiet u sessjonijiet t’informazzjoni mill-ħaddiema tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika kienu fost l-attivitajiet organizzati għall-‘Marine Awareness Week’, mtella’ minn Ambjent Malta.

Din il-ġimgħa ddedikata għall-għarfien marittimu ttellgħet minn Ambjent Malta, bl-appoġġ tal-Awtorità għall-Enerġija u r-Riżorsi, l-ERA, u l-inizjattiva Saving Our Blue. Il-pubbliku kellu ċ-ċans li jieħu sehem f’attivitajiet bħal snorkelling, mawriet madwar il-Gżejjer ta’ San Pawl, is-Salini Salt Pans, u l-kosta tal-Bajja tal-Mellieħa u sessjonijiet ta’ cleanups, fosthom fil-baħar fil-port ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli ħadet sehem fil-cleanup fir-Ramla tal-Mixquqa. Waqt li rringrazzjat lil kull min ipparteċipa, hija fakkret dwar il-messaġġ wara attivitajiet bħal dawn.

“Dawn huma serje ta’ attivitajiet li jgħinuna nkomplu noħolqu kuxjenza akbar dwar il-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent marittimu. Filwaqt li konna qegħdin nnadfu din il-bajja, rajna kemm l-ikbar skart huwa dak l-iskart żgħir li ma jidhirx mal-ewwel meta tħares lejn il-bajja. Kollha affarijiet li meta jispiċċaw fil-baħar jagħmlu ħafna ħsara. Se nkomplu noħolqu iktar kuxjenza u aktar azzjoni biex nindirizzaw din l-isfida,” qalet il-Ministru Dalli.

L-attività tal-isnorkelling, mmexxija minn rappreżentati ta’ Ambjent Malta u l-ERA għenet lill-pubbliku jiskopri s-sbuħija tal-ambjent marittimu lokali protett f’Golden Bay. Matul il-mawra bid-dgħajsa lejn il-Gżejjer ta’ San Pawl, il-parteċipanti kisbu informazzjoni u għarfien dwar l-ambjent naturali rikk tal-baħar ta’ Malta, filwaqt li l-Uffiċjali Xjentifiċi ta’ Ambjent Malta pprovdew informazzjoni dwar ix-xogħol li għaddej, immirat lejn il-preservazzjoni tal-abitat tal-baħar lokali.

L-inizjattiva tat-tindif ta’ qiegħ il-baħar fil-port ta’ San Pawl il-Baħar hija parti mill-impenn ta’ Ambjent Malta biex ittejjeb il-bijodiversità tal-baħar u tirrestawra l-integrità ekoloġika tal-abitati kostali u ta’ taħt l-ilma.

Id-Direttur għall-Kommunikazzjoni ta’ Ambjent Malta, Paul Debono stqarr, “Il-Marine Awareness Week u attivitajiet relatati, bħalma huma d-dawra bid-dgħajsa u t-tindif, ma jikkontrobwixxux biss lejn il-preservazzjoni tal-ambjent marittimu tagħna, imma wkoll iservu bħala pjattaforma ideali, fejn l-entità tista’ tiltaqa’ u tissieħeb mal-pubbliku, f’attivitajiet edukattivi u ta’ divertiment. Tul dawn l-attivitajiet, informazzjoni kienet pprovduta mit-tim ta’ Ambjent Malta, fuq l-importanza tas-salvagwardjar tal-ambjent marittimu lokali u tax-xogħol siewi li tagħmel l-entità biex tippreserva l-ambjent lokali, għal benefiċċju tal-komunità u tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport