Il-protezzjoni tal-persuna żvantaġġjata finanzjarjament għandha tkun dettall li ma jittiħidx biss in konsiderazzjoni fl-ogħla politika tal-pajjiż iżda wkoll f’kull dettall tal-ħajja ta’ kuljum tagħna … anke jekk d-deċiżjoni tittieħed fuq mejda bejn erbgħa min-nies ma jafhom ħadd.
Id-danni eżaġerati li żviluppatur jikkawża lill-ġirien drajnihom. Sakemm tittella’ binja l-ġirien għandhom xhur sħaħ b’biċċiet sħaħ mit-triq imblukkati minn inġenji kbar li għandhom xorti jħallu l-aċċess għat-triq aħseb u ara għall-parkeġġ.
Dan l-aħħar fl-inħawi fejn noqgħod jien qed titħaddem inizjattiva li tali inġenji ma jiġux fuq il-post qabel, pereżempju, it-tmienja u nofs ta’ filgħodu u jitilqu qabel ma jiġu lura r-residenti mix-xogħol. Din l-inizjattiva ta’ min ifaħħarha.
Iżda hemm problema kbira oħra li qed inħoss dejjem iktar dan l-aħħar. Qed jitwaħħlu tabelli ta’ meta se jsir ix-xogħol ma’ kullimkien. Tajjeb. Imma wħud mit-tabelli jitwaħħlu tlett ijiem jew erba’ qabel. Forsi tajjeb ukoll. Iżda mhux l-ewwel darba jkun għadhom hemm ukoll it-tabelli tal-ġimgħa ta’ qabel! Fi kliem ieħor, dan qed iservi ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti billi, minħabba l-fatt li t-tabelli mhumiex kbar fid-daqs (kemm tkabbar? Jispiċċaw posters?) il-persuna li qed tfittex parkeġġ ikollha litteralment toħroġ mill-karozza u tiċċekkja d-data kull fejn issib post vojt fejn tipparkja. F’dan il-pajjiż sirt, biex tipparkja, trid tkun taf id-data tal-ġurnata! Labirint ta’ veru li qajla wieħed ikollu aptitu la qabel u lanqas wara x-xogħol. Ma jistax jidħol obbligu fuq il-kuntratturi, ħaddiema li malli tgħaddi l-ġurnata u jagħlaq il-permess it-tabelli jinqalgħu immedjatament? Ġieli tabelli skaduti jkun għadhom fuq il-post tlett ijiem erbgħa wara li jkun sar ix-xogħol.
Iżda regola ferm iktar allarmanti li jidher li ddaħħlet jew għallinqas qed tiġi applikata reċentement f’toroq fejn probabbilment saret it-triq ‘ġdida’ u reġgħu inżebgħu l-kaxxi tal-parkeġġ hija li kull min għandu garaxx mat-triq, apparti l-parti tat-triq ta’ quddiem il-garaxx li qed ‘jokkupa’ qed jagħtuh madwar nofs metru kull naħa biex idawwar komdu fiha.
Fit-triq fejn noqgħod jien kienu jeżistu madwar għoxrin parkeġġ. Saħansitra kien jopera wkoll mekkaniku tal-karozzi u kien jattira ħafna karozzi lejn it-triq. Ġieli kien ikunu hemm sa ħames karozzi pparkjati fit-triq sempliċement għat-tiswija. Għalaq il-garaxx tal-mekkaniku, saret triq ġdida u tant tneħħew parkeġġi minn ġot-triq li r-residenti mhumiex qed isibu dejjem fejn jipparkjaw. U n-numru ta’ parkeġġi naqsu mhux għax it-triq qsaret imma għaliex ġiet applikata din ir-regola li kull garaxx mat-triq jingħata biċċa iktar fuq iż-żewġ naħat.
Barra minn hekk, in-negozji ngħataw madwar tliet kaxxi ta’ parkeġġ flok tnejn. Għalhekk negozju, li f’dan il-każ huwa ċentru tal-ħarsien tat-tfal, biex jiġu ftit ġenituri filgħodu kemm iniżżlu tifel żgħir jew itellgħuh, għandhom spazju ta’ tliet karozzi u r-residenti li jridu jipparkjaw għal lejl sħiħ m’għandhom xejn.
Soċjaliżmu … żgur mhux fil-parkeġġ! Ikbar ma tkun il-faċċata tan-negozju aktar tokkupa mit-triq. Aktar ma għandek il-garaxx mat-triq aktar jagħtuk spazju tal-parkeġġ mat-triq. Min m’għandux garaxx, ma jista’ jipparkja mkien, min għandu garaxx mat-triq għandu bonus ta’ parkeġġ għal karozza waħda quddiem l-istess garaxx u spazju ta’ żewġ muturi mal-ġnub ħalli jdawwar fil-kumdità. Meta wieħed jikkunsidra illi garaxx taħt it-triq fiż-żona fejn noqgħod jien jiswa Eur28,000, is-soċjaliżmu jidher iktar ċar. Speċjalment meta wieħed jikkunsidra r-riżorsi finanzjarji ta’ ċerti persuni fis-soċjetà, fosthom persuni li għandhom persuni bi bżonnijiet speċjali jew mard fil-familja, jew dawk li sempliċement jgħixu waħedhom fosthom minħabba separazzjoni jew divorzju.
Iżda biex jitpoġġa l-melħ fuq il-ferita jidher li l-gwardjan qed jiġi apposta fis-sitta ta’ filgħodu biex jekk ikun hemm karozza waħda mhix f’postha matul il-lejl jilħaq jagħti ċ-ċitazzjonijiet qabel ma n-nies imorru għax-xogħol. Bħal dejjem tajjeb li r-regoli jiġu mħarsa. Iżda li tingħata żewġ ċitazzjonijiet f’jumejn wara xulxin (għax il-karozza ma tkunx iċċaqalqet) it-tnejn li huma fis-sitta ta’ filgħodu hija wkoll ftit eżaġerata. Probabbilment il-gwardjan qed jagħmel dan biex juri li huwa effettiv u rnexxielu jagħti tant ċitazzjonijiet kuljum. Probabbilment jaf ukoll li kieku jmur fis-7am ċerti karozzi ma jsibhomx. U dawk li jitilqu fis-7am mhux nies li joqogħdu fil-post u li jridu joqogħdu kuljum fiż-żona u m’għandhomx għażla oħra? Mela l-gwardjani qegħdin sempliċement jikkastigaw lir-residenti taż-żona iktar milli jħarsu s-sigurtà fit-triq – wara kollox it-triq żgur li mhix waħda prinċipali.
U l-problema hija li f’ċerti żoni jekk wieħed/waħda ma jsibux jipparkjaw m’għandhom ebda għażla. Fl-inħawi tiegħi, jekk ma ssibx tipparkja fl-erbgħa toroq tal-madwar bil-lejl, billi hija maqtugħa għaliha, ikollok tikri taxi biex terġa’ lura d-dar – speċjalment jekk tkun mgħobbi.
L-umanità qiegħda saħansitra fl-istruttura tal-Qrati tagħna. Dan għaliex riġidi kemm huma riġidi l-liġijiet, anke dawk kriminali, l-aħħar kelma tkun f’idejn l-Imħallef li jista’ u jassikura li jdaħħal l-element uman. L-istess għandhom jagħmlu l-gwardjani. Il-gwardjan/a għandom ikunu umani biżżejjed biex jifhmu li min ipparkja ħażin m’għamilx hekk b’kapriċċ.
Fejn jidħol il-parkeġġ l-unika tama li għandna f’dan il-pajjiż huwa li nkunu intelliġenti u fl-istess ħin umani. Intelliġenti billi ndaħħlu dejjem iktar ideat ġodda, inċentivi governattivi u ta’ ppjanar u żvilupp u umani billi nifhmu r-realtà taċ-ċittadin li jista’ ma jkollu ebda għażla ħlief li jipparkja ħażin.
U nispiċċa mill-ġdid b’nota fuq l-intelliġenza fejn jidħol ħolqien ta’ iktar parkeġġ. Irridu nibdew naħsbu ’l barra mill-kaxxa bħalma għamlu pajjiżi oħra. Għadna lura ħafna f’dawk li huma parkeġġi li minflok jinżlu taħt l-art, jitilgħu ’l fuq mill-art. Jiena naf biss b’parkeġġ wieħed li huwa hekk f’Malta. Barra minn hekk, illum il-ġurnata jeżistu wkoll parkeġġi fejn il-persuna ddaħħal il-karozza tagħha ġo spazju u l-karozza waħedha tittieħed b’sistema awtorizzata, lejn parkeġġ f’sulari u żoni differenti. Imbagħad meta s-sewwieq jasal lura kemm jagħfas in-numru li tkun tagħtu l-magna u l-kompjuter/robot jagħtih il-karozza lura. Fi kliem ieħor, dan it-tip ta’ parkeġġ jaħdem b’sistema li hija ferm simili għal kaxxa tax-xorb li naraw ma’ kulllimkien fejn wieħed jagħfas buttuna, iħallas il-flixkun u l-magna tagħżel il-flixkun u tagħtihulu skont ix-xewqa tiegħu. F’dan il-każ imma l-klijent jingħata lura l-karozza tiegħu mhux il-flixkun tax-xorb. Tali sistema, pereżempju, titħaddem l-Ungerija. Il-vantaġġ ovvju ta’ tali parkeġġ huwa li s-sid ma għandux għal xiex jaħli ħafna mill-ispazju f’rampi u b’hekk kemm l-ispejjeż kif ukoll il-qligħ tiegħu jkunu ikbar.
Nispiċċa biex ngħid ukoll illi l-gvern mhux jagħti biżżejjed inċentivi lil ċerti żviluppaturi u sidien ta’ proprjetà sabiex ċertu biċċiet tal-art ikunu jistgħu jiġu żviluppati bħala parkeġġ minflok bħala flettijiet. Għalkemm wieħed diffiċli forsi jqarreb il-qligħ ta’ parkeġġ lejn il-qligħ ta’ blokka flettijiet, dejjem jista’ jsir ħafna permezz ta’ inċentivi fiskali, għajnuna finanzjarja u mezzi oħra, fosthom tħaffif fil-proċedura għall-ħruġ ta’ permessi għal parkeġġ, biex sid jiddeċiedi jibni parkeġġ minflok blokka flettijiet jew sabiex sid jagħmel sit disponibbli għall-parkeġġ sakemm iġib permess għall-bini.
Veru li l-karozzi mhumiex xi ġawhra ambjentali. Anzi huma ta’ dannu għall-ambjent. Iżda l-garaxxijiet mhumiex qegħdin hemm biss għall-karozzi li jaħdmu bil-petrol. Qegħdin hemm ukoll għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku. U jekk hemm tip ta’ karozza li sidha ma jistax jgħaddi mingħajr garaxx jew parkeġġ, hija l-karozza elettrika. Il-ħolqien ta’ aktar parkeġġi u sulari ta’ parkeġġi jista’ jwassal ukoll għall-ħolqien ta’ aktar żoni ta’ ċċarġjar għall-karozzi elettriċi. L-ikbar problema tal-karozza tal-elettriku llum hija li min jixtriha bilfors irid ikollu garaxx. Dan għaliex huwa ovvju li l-ispazji ta’ ċċarġjar li hemm fit-toroq mhumiex biżżejjed biex persuna li m’għandhiex il-garaxx tagħha tiċċarġjaha fit-toroq. Għalhekk, iktar parkeġġi pubbliċi li jippermettu sid ta’ karozza tal-elettriku jiċċarġjaha għal ħin twil matul il-ġurnata twassal għal iktar karozzi elettriċi.
Jalla fil-futur mhux talli jkollna iktar sulari ta’ parkeġġi taħt u fuq l-art, talli jkollna wkoll blokok sħaħ fejn sewwieq ta’ karozza elettrika jista’ jħalli karozza għal ġurnata sħiħa.
Kif inhi s-sitwazzjoni persuni li m’għandhomx garaxx ma jistgħux jixtru karozza elettrika. Meta wieħed jikkunsidra li karozza elettrika tiswa ’l fuq min ħamsa u għoxrin elf anke bl-inċentivi tal-gvern li wieħed iżid ma’ dawn madwar tletin elf għal garaxx, persuna għadha żgħira fiż-żmien jew persuna li toqgħod waħedha hija awtomatikament eskluża milli tagħmel investimenti bħal dawn.
Kif jidher ċar f’dan l-artiklu, il-problemi f’dan il-qasam ivarjaw minn nuqqasijiet fl-ippjanar ta’ spazji fit-toroq, privileġġi żejda mogħtija lil min għandu iktar proprjetà, inkonvenjent inutli biċ-ċitazzjonijiet, nuqqas ta’ umanità fl-implimentazzjoni, għal nuqqas ta’/biża’ mill-innovazzjoni kif minn biċċa art waħda nfasslu u nagħsru ferm aktar spazju, nuqqas ta’ inċentivi ambjentali, fiskali u ta’ ppjanar u nuqqas ta’ domanda għal karozzi elettriċi. Malta, għalkemm sabiħa, tista’ faċilment tiġi deskritta bħala ġungla urbana. Il-qies tal-pajjiż mhu se jitbiddel qatt. Iżda nistgħu nagħmlu ħafna biex inqassmu l-ispazji aħjar u fl-istess ħin inżommu l-interessi taċ-ċittadin, speċjalment dak l-iktar vulnerabbli, quddiem għajnejna. Filwaqt li Ford kien ħareġ bl-idea li kull ħaddiem tal-fabbrika kellu jkollu biżżejjed flus għall-karozzi tiegħu biex il-Ford tinbiegħ iktar, il-ħsieb tagħna llum għandu jimxi fuq l-istess linji. Iktar milli l-gvern jagħmel il-bsaten liċ-ċittadin u jaġevola lin-negozjant, l-istess gvern irid joħloq ambjent tajjeb kemm għall-inqas ċittadin kif ukoll għall-iprem negozjant ħalli t-tnejn li huma jkollhom għal xiex jaħdmu favur ambjent iktar nadif.