Sunday, December 22, 2024

Soċjetà Ġusta, Edukazzjoni Ġusta; Xi Tagħlimiet mill-Finlandja

Intervista mal-Professur Carmel Borg

Aqra wkoll

Ġranet ilu, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej, permezz tal-Ambaxxatur għall-Estonja u l-Finlandja, L-E.T. Dr. Kenneth Vella, organizza seminar virtwali dwar ‘l-Edukazzjoni fis-Seklu 21’.  Il-Professur Carmel Borg, Kap tad-Dipartiment tal-Arti, il-Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni tal-Adulti fl-Università ta’ Malta, kien mistieden biex jaqsam il-ħsibijiet tiegħu dwar is-suġġett, u fl-istess ħin iwieġeb għad-diskors ta’ Dr. Oli-Pekka Heinonen, Ministru tal-Edukazzjoni Finlandiż bejn l-1990 u l-1994.  Talk.mt intervistat lill-Professur Borg dwar x’lezzjonijiet nistgħu nieħdu mill-Finlandja, pajjiż li jinsab f’tarf ieħor tal-kontinet Ewropew.  

Kemm ilu jinbena l-‘miraklu Finlandiż’?

Pasi Sahlberg, konsulent edukattiv Finlandiż ta’ fama internazzjonali, jiddeskrivi r-riżultati tas-sistema edukattiva Finlandiża sa tletin sena ilu bħala medji, jekk mhux medjokri.  Biex nifhmu dan il-‘miraklu’, irridu nistudjaw ir-riformi li twettqu fil-pajjiż, kemm fil-qasam edukattiv kif ukoll f’oqsma oħra tal-ħajja Finlandiża, f’dawn l-aħħar tletin sena.  

Meta nanalizzaw il-kuntest tar-riformi fil-Finlandja nibdew nindunaw li ħafna mid-diffikultajiet li nitkellmu dwarhom fil-kuntest edukattiv lokali kienu l-isfidi ta’ dan il-pajjiż sa ftit deċenji ilu.  

Dan il-pajjiż Nordiku għaraf li b’serje ta’ interventi kirurġiċi u b’bulettini tas-saħħa kontinwi seta’ jasal biex jifforma soċjetà li kapaċi ssalpa fil-maltemp u tasal fid-destinazzjoni mixtieqa – pajjiż produttiv, kreattiv, sostenibbli, ekwu u demokratiku.  Ta’ min jgħid li dan il-‘miraklu’ seħħ f’mumenti storiċi mimlija diffikultajiet, fosthom: il-falliment spettakolari tal-mobajl tad-ditta Nokia, il-prodott li kien jiddefinixxi lill-pajjiż; il-kriżi finanzjarja globali tal-2007-08; l-irfigħ ir-ras tal-populiżmu lemini;  u r-riċessjoni ta’ bħalissa, effett dirett tal-pandemija.  

Il-poplu Finlandiż għaraf li l-edukazzjoni hija attività umana ta’ importanza ċentrali għall-iżvilupp tal-individwu u tal-pajjiż; attività li tiżvolġi f’kuntest u mument storiku li jinftiehem b’riflessjoni kollettiva, kritika u kontinwa, u titwettaq bi pjan maqbul u mħaddem fi spirtu kollettiv.  Is-sens ta’ kollettività, lil hinn mill-pika partiti u t-territorjaliżmu, hija lezzjoni qawwija li toħroġ minn pajjiż bi storja ta’ kolonjaliżmu u konflitti nterni mdemmija.   

Filwaqt li aħna għadna nitkellmu dwar l-effett tal-kolonjaliżmu fuq ir-relazzjonijiet umani, jidher li b’mod ġenerali l-Finlandja ssuperat dan l-ostaklu. 

Element li jispikka fil-qasam edukattiv Finlandiż huwa l-livell għoli ta’ awtonomija li jgawdu l-iskejjel, l-anti-teżi ta’ sistema edukattiva kolonjali fejn kollox, mill-għażla tal-kotba sal-kurrikulu, huwa kkontrollat u ddettat miċ-ċentru u jinżel vertikalment sal-klassi.  

Biex dan seta’ jseħħ, l-awtoritajiet ċentrali ddelegaw ħafna mill-poter lill-iskejjel.  Dan ifisser li l-għalliema u professjonisti oħra li jaħdmu fl-iskejjel għandhom l-ispazju u l-ħelsien biex jieħdu d-deċiżjonijiet kollha li hemm bżonn, fl-aħjar interess tal-istudenti u tal-komunità edukattiva.  

L-awtonomija tfisser responsabbiltà kbira fuq spallejn il-professjonisti, mill-għalliema sal-ispeċjalisti li jgħinuhom fil-ħidma tagħhom.   Mill-esperjenza diretta tiegħi tal-pajjiż nista’ nixhed li l-għalliema huma ffurmati professjonalment biex ma jibżgħux mill-ħelsien iddelegat b’mod konxju mill-awtoritajiet ċentrali.  Din il-kunfidenza ġejja mill-fatt li l-Finlandja hija magħrufa sew għar-rispett li għandha għall-professjoni tal-għalliema; rispett li jissarraf fi status għoli u salarju li jirrifletti materjalment il-valur li l-pajjiż jagħti lil din il-professjoni.  

Għax ll-professjoni hija meqjuma f’dan il-pajjiż, iċ-ċentri ta’ formazzjoni tal-għalliema għadhom jattiraw studenti ta’ kwalità għolja; żgħażagħ li jridu jsiru għalliema, u li jħarsu lejhom infushom bi stima għolja meta jitħalltu ma’ professjonijiet oħra. 

Il-Finlandja hija magħrufa wkoll għall-kwalità ta’ formazzjoni li tagħti lill-għalliema tagħha, kemm fil-bidu, fejn l-għalliema huma kollha mħarrġin fil-livell ta’ Maġisteru (Master), kif ukoll tul il-karriera, permezz ta’ programm ta’ żvilupp professjonali kontinwu.  

Il-kompetenza li tirriżulta mill-formazzjoni professjonali soda tal-għalliema tfisser li l-awtoritajiet għandhom moħħhom mistrieħ li meta jiddelegaw il-poter lill-għalliema se jsibu professjonisti li kapaċi jisfruttaw b’mod pożittiv l-awtonomija u l-ħelsien professjonali. Tfisser ukoll li  b’korp professjonali fdat, ir-relazzjonijiet umani u professjonali ma jibqgħux vertikali, min jordna b’mod attiv u min jobdi b’mod passiv; relazzjonijiet li joqorbu aktar lejn id-djalogu bħala pedagoġija, id-demokrazija parteċipatorja bħala metidoloġija  u l-inklużjoni bħala kultura  u mod t’għejxien. 

Is-sens qawwi ta’ awtonomija magħġun fis-sistema edukattiva Finlandiża, u l-kompetenzi aġġornati tal-għalliema, li jridu l-awtonomija u kapaċi jħaddmuha, tissarraf fi spazji edukattivi mimlijin ossiġnu; ambjenti fejn l-għalliema u kull minn jaħdem u għandu x’jaqsam mal-iskola jħossu milqugħ, stmat, aċċettat, rispettat, mismugħ, fdat u apprezzat.  Xejn minn dan li qiegħed ngħid ma jitlob investiment ta’ miljuni ta’ Ewro.  

Għalhekk, nibqa’ nsostni li l-flus weħidhom ma jiddistingwux sistema edukattiva li tirrendi minn oħrajn li jirrendu anqas.  Kif turina r-riċerka komparattiva, speċjalment fil-qasam speċjalizzat tal-finanzjament tal-edukazzjoni, il-flus għandhom il-limiti wkoll.  Ma tistax tagħmel triq edukattiva fil-baħar jekk il-kultura, ir-relazzjonijiet soċjali, il-kompetenzi ‘l hinn mit-tagħlim tas-sillabu, il-ħeġġa għall-kreattività u l-innovazzjoni, ir-riflessjoni kritika, il-ħidma kollettiva, u tant kundizzjonijiet oħra m’humiex preżenti fiċ-ċentri edukattivi.    

Fil-mawriet professjonali tiegħi fil-Finlandja, missejt b’idejja xi tfisser komunità edukattiva li timxi bil-prinċipju ta’ responsabbiltà kollettiva; tmexxija għalenija, fejn  it-trasparenza u l-kontabilità personali u lejn il-komunità edukattiva jiddominaw; sens ta’ responsabbiltà li minn dak li esperjenzajt b’mod konkret hija l-aqwa mediċina kontra l-legaliżmi, il-pretensjonijiet personali,  ir-relazzjonijiet mibnija fuq il-penzijiet, is-suspett, il-ġerarkija falza, l-istennija tal-ordnijiet minn fuq, il-passività ta’ min isib ruħu fl-iskaluni t’isfel, u l-aljenazzjoni  u s-sens ta’ fataliżmu mġarrab minn min suppost qiegħed jixgħel ix-xema tat-tama. 

Sintomu tal-fiduċja li jgawdu l-professjonisti fl-iskejjel Finlandiżi huwa l-mod kif isir l-assessjar, tema ċentrali edukattiva li sikwit tkun f’nofs kontroversja lokali.    Hawnhekk fejn jispikka bi kbir it-twemmin fl-awtonomija tal-iskejjel Finlandiżi u l-fiduċja fid-diskrezzjoni professjonali tal-għalliema.  Fis-sistema obbligatorja Finlandiża ma jeżistux eżamijiet ċentrali, u kollox jiddependi mill-assessjar formattiv li jsir fl-iskola.  Kuntrarju għal dak li naħsbu lokalment, l-assessjar formattiv, dak li jaqdi lill-istudenti l-ewwel, qabel is-sistema, huwa l-aħjar għodda dijanostika li għandhom l-għalliema biex jirriflettu dwar it-tagħlim u biex jikkoreġu fil-ħin dgħufijiet pedagoġiċi u nuqqasijiet fil-progress edukattiv tat-tfal.  

Fil-qosor, il-Finlandja tgħallimna li biex naqdu lill-istudenti sew, is-sistema teħtieġ li l-għalliema jkunu ppreparati, aġġornati dejjem, u mogħtija l-ispazju biex flimkien, bħala komunità edukattiva, li tinkludi lill-ġenituri, jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet, fil-ħin, u dejjem b’risq it-tfal.

Qed tagħti ħafna importanza lill-edukazzjoni bħala proċess liberatorju.  L-edukazzjoni tista’ tasal weħdiha fit-tiġdid ta’ pajjiż? 

Din hija lezzjoni oħra li għandna nieħdu mill-Finlandja.  Le, weħdiha l-edukazzjoni mhux se ġġib it-tibdil soċjali u ekonomiku li għandna bżonn.  Paripassu mat-tibdil fl-edukazzjoni, il-Finlandja wettqet riformi fil-qasam fiskali, ekonomiku, governattiv, soċjali u oqsma oħra.  Minn isegwi l-indiċi internazzjonali jaf li l-Finlandja dejjem tikklassifika fuq quddiem nett f’ħafna mill-oqsma tal-ħajja.  Ma nistgħux nippretendu li jkollna edukazzjoni ekwa u aċċessibbli sakemm nibqgħu ngħixu komdi bid-distakk soċjali u ekonomiku, b’sistema ta’ tassazzjoni li tiffavorixxi lil min għandu l-aktar, u bi prekarjat mifrux.  L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-ħelsien, iżda l-ħelsien soċjali u ekonomiku jibqa’ ċ-ċavetta għall-aċċess edukattiv.  Dik hi l-akbar lezzjoni li nistgħu nieħdu mill-Finlandja.

Minn kliemek nikkonkludu li għadna ‘l bogħod għall-Finlandja

Apparti d-distanza ġeografika (!), f’Malta għadna ‘l bogħod mill-kundizzjonijiet li wieħed isib fil-Finlandja.  

Vilho Hirvi, l-ewwel direttur (1991-94) tal-Bord Nazzjonali tal-Edukazzjoni Finlandiż, stqarr li ma tistax toħloq soċjetà edukata bil-forza.  Biex nindirizzaw in-nuqqasijiet fis-sistema rridu nidħlu daħla fina nfusna, nisimgħu lil xulxin u nassumu responsabbiltà kollettiva għal dak li qiegħed jiġri fis-sistema tagħna.  Hemm bżonn nieqfu bħala pajjiż, nirriflettu billi nużaw l-esperjenzi tagħna u r-riċerka, u minn hemm nitilqu għal vjaġġ kollettiv, parteċipatorju u demokratiku li jrid iwassal biex tassew il-professjonaisti jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi edukattivi kbar li għandu l-pajjiż.  Mingħajr riflessjoni kritika fl-iskejjel u fuq livell nazzjonali ma nistgħux mimxu pass ieħor ‘l quddiem fil-qasam.

Fl-aħħar snin rajna ħafna tibdil fis-sistema edukattiva tagħna.  Jiidher ċar, kemm mid-diskorsi uffiċjali kif ukoll mid-dokumenti maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, li dan it-tibdil kien imnebbaħ minn kurrenti internazzjonali, bir-riħ mit-tramuntana jonfoħ sew fuq il-gżejjer Maltin.  It-tibdil mixieq jieħu ħafna żmien, u f’xi każi jista’ jkun li qegħdin nibdlu biex inħallu ċertu attitudnijiet u relazzjonijiet kif inhuma. 

Il-ħolqien tal-kulleġġi fis-sistema statali huwa każ minnhom. L-intenzjonijiet ewlenin ta’ dan il-proġġett kbir fil-qasam edukattiv kienu li tingħata aktar awtonomija lill-iskejjel, li tiżdied il-kollaborazzjoni, u li jitnaqqas il-poter miċ-ċentru.    

L-awturi ta’ erba’ teżijiet f’livell ta’ dottorat kollha waslu għall-konklużjoni li filwaqt li tnaqqar xi ftit mill-poter ċentrali, ir-relazzjonijiet soċjali u l-istil ta’ amminstrazzjoni baqa’ wieħed vertikali. L-awturi, li bejniethom qattgħu xejn anqas minn sittax-il sena jirriċerkaw, ikkonkludew, b’mod indipendenti u b’metidoloġiji differenti, li l-kulleġġi ma ġabux il-bidla paradigmali li tassew teħles lill-iskejjel mill-ktajjen tal-impożizzjoni u l-passività li din it-tip ta’ tmexxija tiġġenera.  Is-sellum tat-tmexxija għadu hemm.  U, ironikament, żdiedu aktar l-iskaluni.  

Sfortunatament, b’kuntrast qawwi mal-istorja edukattiva tal-Finlandja, il-professjoni tal-għalliema f’pajjiżna tinsab fi kriżi kronika, ta’ numri u kwalità.  Bosta huma dawk bla taħriġ jew b’taħriġ minimu li qegħdin jgħallmu jew jieħdu ħsieb it-tfal bħala edukaturi ta’ appoġġ.  Fl-istess ħin, għadna qegħdin nistennew il-gwida tal-Ewropa, issa ilna s-snin nistennew, biex niddeċiedu f’liema livell għandna nħarrġu lill-għalliema.  U żgur li għadna ‘l bogħod mill-Finlandja!

Il-Finlandja għadha kif introduċiet l-estensjoni tal-edukazzjoni obbligatorja sa tmintax.  Fid-dawl tar-rappport tal-Kamra tal-Kummerċ, x’inhi l-fehma tiegħek dwar dan is-suġġett?

F’żewġ okkażjonijiet pubbliċi ddikjarajt, wara li wrejt l-evidenza, li Malta għadha mhix lesta għal dan il-pass.  In-nuqqas ta’ suċċess fis-sistema obbligatorja attwali, kuntrarju għas-suċċess Finlandiz, ifisser li għadna wisq ‘l bogħod biex nimxu b’mod naturali għall-qasam post-sekondarju obbligatorja.  

Il-pajjiż għandu jaħdem għalenija, inkluż mas-settur tal-volontarjat u dak privat, biex jinħoloq ambjent post-sekondarju aċċessibbli għal kulħadd. Sadattant, inkomplu nirriflettu u naħdmu biex nsaħħu l-aċċessibilità vera bejn iż-żero u s-sittax-il sena. Soċjetà ġusta titlob li dan nagħmluh flimkien, b’mod infurmat u mingħajr tkaxkir tas-saqajn.   

Ekonomija

Sport