Saturday, February 21, 2026

Soċjetà Mużikali oħra salvata: Il-Gvern f’konvenju maċ-ċenswalisti tas-sede tal-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali daħal f’konvenju maċ-ċenswalisti tas-sede tal-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola bil-għan li d-drittijiet kollha taċ-ċenswalisti jgħaddu għand il-Ministeru u b’hekk din is-soċjetà mużikali tiġi protetta minn riskju imminenti ta’ żgumbrament.  Din l-għaqda kienet f’dan ir-riskju minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-kirja viġenti u b’hekk il-Gvern ta serħan il-moħħ li din is-Soċjetà Mużikali tkompli topera għall-ġid tat-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija.

Din hija l-15-il Soċjetà Mużikali li dan il-Gvern daħal għaliha biex isalvaha minn riskju impellenti ta’ żgumbrament.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li l-Gvern daħal b’impenn u determinazzjoni biex isalva 15-il Soċjetà Mużikali, inkluż l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan, għaliex jemmen fil-ġid kbir li dawn is-Soċjetajiet Mużikali jagħmlu fil-komunitajiet tagħna u pajjiżna kollu kemm hu.  Huwa saħaq li pajjiżna jrid ikompli jinvesti fit-tradizzjonijiet u l-kultura tant sabiħa tiegħu jekk irridu ngħixu f’Malta isbaħ u aħjar. Huwa spjega l-ħidma li qed issir biex jiġu salvati l-każini tal-baned li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament u qal li din il-ħidma hija ta’ prijorità anke fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija hija issa meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.

Il-Ministru Bonnici saħaq li b’dan il-konvenju, il-Gvern qiegħed għal darb’oħra juri l-impenn tiegħu li jasal għal soluzzjoni fejn aġixxa korrettament kemm maċ-ċenswalisti kif ukoll mas-soċjetà mużikali nnifisha. Huwa spjega li fil-mument li jsir il-kuntratt finali, din il-proprjetà se tingħaqad mal-portafoll ta’ proprjetajiet li huma lkoll sede ta’ soċjetajiet mużikali li qed jiġu mmaniġġjati minn sezzjoni apposta fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti u li magħha s-soċjetajiet mużikali rispettivi jidħlu f’relazzjoni lokatizja.

L-investiment totali fuq dan il-każin se jkun ta’ €1,000,050 u l-kuntratt finali mistenni jiġi ffirmat fi żmien sentejn biex b’hekk it-titlu sħiħ fuq il-binja jkun konsolidat favur il-Gvern.

Id-Direttur tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon qalet, “Grazzi għal inizjattivi ta’ din ix-xorta, il-Kunsill Malti għall-Arti qed ikompli jseddaq il-legat kulturali tal-gżejjer tagħna. Entitajiet tradizzjonali bħal ma huma l-każini tal-banda għandhom rwol essenzjali sabiex din tiġi ssalvagwardjata u imsaħħa fi ħdan is-soċjetà kontemporanja li qegħdin ngħixu fija, u fil-kuntest t’ambjent multikulturali li dejjem ikompli jevolvi.”

B’kollox il-Ministeru sa issa investa total ta’ €30 miljun fl-akkwist tad-drittijiet kollha fuq erbatax-il proprjetà. L-erbatax-il sede ta’ soċjetajiet mużikali li nxtraw b’mod konklussiv mill-Ministeru issa huma: is-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, is-sede tal-Għaqda Soċjomużikali Anici ta’ Ħal Qormi, is-sede tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, is-sede tas-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija, is-sede tal-Banda 12th May f’Ħaż-Żebbuġ, il-Banda King’s Own tal-Belt Valletta u l-Banda Madonna ta’ Pompei Marsaxlokk AD 1990.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-President tal-Għaqda Mużikali Kristu Sultan Paola Clayton Cascun, flimkien mal-kumitat Għaqda Mużikali Kristu Sultan Paola, is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio, u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport