Bħal ma jiġri qabel kull konferenza tal-OSCE, saret il-konferenza tal-OSCE dwar is-soċjetà ċivili, liema konferenza tkun organizzata minn koalizzjoni globali ta’ għaqdiet non governattivi, u mis-Civic Solidarity Platform. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iddikjara li “fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili qiegħed dejjem jitnaqqas, waqt li d-drittijiet ċivili u politiċi ikunu imfixkla, is-soċjetajiet ikunu inqas stabbli”.
Ta’ min jgħid li s-Civic Solidarity Platform hija koalizzjoni ta’ madwar 100 organizzazzjoni ċivika kif ukoll għaqdiet mhux governattivi internazzjonali oħra, sabiex jippromwovu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.
Iċ-Ċerpersin tal-OSCE, il-Ministru Ian Borg qal li “Malta taf sew li futur sigur u reżiljenti għall-pajjiżi tagħna u għar-reġjun tal-OSCE jirrikjedi soċjetà ċivili b’saħħitha, diversa u vibranti”. Saħaq li “huwa dmirna lkoll li nipprovdu ambjent li jippermetti x-xogħol importanti tagħhom. Is-soċjetà ċivili ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi. Tippromwovi r-rispett għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, kif ukoll soċjetajiet tolleranti u mingħajr diskriminazzjoni.” Hu enfasizza r-rabta pożittiva bejn ambjent li jappoġġja s-soċjetà ċivili u s-sigurtà.