Saturday, December 21, 2024

Soċjologa twissi dwar iż-żieda fil-faqar bil-virus

Aqra wkoll

Dr Maria Brown tgħid li ċerti nies jistgħu jispiċċaw jieklu dieta fqira biex jiffrankaw u wliedhom jaqgħu lura fit-tagħlim

Is-soċjologa Maria Brown qed twissi li l-coronavirus tista’ twassal biex għadd kbir ta’ persuni li jinsabu fil-faxxa t’isfel tas-soċjeta jkollhom is-sitwazzjoni tmur għall-agħar għax iduru għal dieta fqira biex jiffrankaw b’impatt fuq saħħithom.

Dr Brown kienet mistoqsija minn Inewsmalta kif tara li l-Covid-19 qed jaffettwa s-soċjeta lokali hekk kif diversi postijiet tax-xogħol għalqu u aktar nies intalbu jibqgħu d-dar biex ma jinxteridx il-virus.

Hija irrimarkatilna kif id-differenzi soċjali qed jispikkaw fejn tidħol saħħa u kwalità ta’ ħajja u min jista’ jaħdem bit-‘telework’ għandu inqas riskju li jimrad u miegħu l-għeżież tiegħu.

“Min għandu introjtu baxx jew ħa jitlef xogħolu ħa jsibha aktar diffiċli jaqdi l-bżonnijiet, inklużi dawk bażiċi bħal ikel u mediċini. Jaf ikollu jekonomizza fuq ikel b’riżultat ta’ dieta fqira”. 

Dr Brown qed twiss li b’hekk wieħed jaf jeħles mill-COVID-19 imma jkollu problemi ta’ saħħa oħra, bħal dijabete u pressjoni għolja, speċjalment f’każ ta’ nuqqas ta’ eżerċizzju minħabba restrizzjonijiet fuq il-mobbilità.

“B’nuqqas ta’ ġnien, bitħa jew bejt – kif sar komuni f’ħafna residenzi – dawn ir-riskji jogħlew. Min jgħix f’residenzi żgħar ħa jkollu wkoll sfidi akbar biex isib bilanċ bejn xogħol u ħajja speċjalment f’każ ta’ ‘telework’”.

Is-soċjologa magħrufa wissiet li anke każi ta’ abbużi u vjolenza domestika jaf jiggravaw bit-tensjoni waqt li jibqgħu aktar mistura mentri problemi ta’ saħħa mentali u solitudni se jkunu affetwati b’mod simili. 

Hija irreferiet ukoll għall-aspett edukattiv fejn semmiet kif ġenituri b’livell ogħla ta’ edukazzjoni u litteriżmu diġitali għandhom potenzjal li jkampaw aħjar mat-tagħlim ta’ uliedhom kif qed isir bħalissa bit-teknoloġiji onlajn paragunati ma’ oħrajn li ma komplewx bit-tagħlim tul il-ħajja.

“Differenzi fil-litteriżmu diġitali u litteriżmu tal-midja qed jaffettwaw ukoll il-kapaċità li wieħed jixtarr il-kakofonija ta’ messaġġi li nirċievu b’mod li jagħraf li huma validi u liema huma qarrieqa”.

Se jkollna soċjetà fejn bruda lejn ‘telework’, sigħat ta’ xogħol flessibbli, parteċipazzjoni ugwali ta’ ġenituri fit-tagħlim tal-ulied u tqassim iktar ekwu tax-xogħol tad-dar ħa jkun inqas ġustifikabbli għax se jkollna iktar esperjenza tagħhom. Se kkun hemm ukoll iktar informazzjoni u esperjenza diretta dwar x’jiġri meta opportunitajiet bħal dawn hemm min jista’ jilħaqhom u ħaddieħor le.

Dr Maria Brown

Dr Brown reġgħet enfasizzat fuq il-punt li differenzi soċjali jaffettwaw l-opportunitajiet tal-individwu li jgawdi s-saħħa u semmiet kif dan huwa mument fejn naraw kif is-saħħa mhiex biss xi ħaġa fiżika li nistudjaw biss fil-bijoloġija, kimika u xjenzi naturali oħra imma hemm parti mis-saħħa li hija riżultat ta’ dinamiċi soċjali. 

“Fiċ-ċirkostanzi preżenti nistgħu nosservaw aktar mis-soltu kif l-istat ta’ saħħa ta’ individwu u jew soċjetà huwa r-riżultat ta’ taħlita kumplessa, li tinkudi aspetti fiżiċi iżda anki livell ta’ edukazzjoni, litteriżmu diġitali, mpieg, daqs ta’ familja, valuri, kultura, stil u ta’ ħajja u oħrajn”.

Dwar l-impatt fuq il-futur Dr Brown sostniet la noħorġu mill-pandemija se jkun hemm pressjoni sabiex tirpilja l-ekonomija, jonqos id-dejn u jikber il-prodott gross domestiku. 

Hija qalet li jaf ikun hemm momentum ekonomiku pożittiv b’riżultat ta’ ‘feel good factor’ immotivat mill-fatt li l-ħajja tista’ tkompli dejjem jekk il-bilanċ bejn rebħ u telf ma jkunx negattiv ħafna. 

Fl-istess waqt saħqet li l-‘feel good factor’ mhuwiex xi ħaġa oġġettiva iżda perċezzjoni suġġettiva tal-individwu magħġuna mill-esperjenzi personali kif ukoll influenzata, u ġieli manipulata, minn politiċi, korporazzjonijiet u media fost oħrajn.

“Se jkollna soċjetà fejn bruda lejn ‘telework’, sigħat ta’ xogħol flessibbli, parteċipazzjoni ugwali ta’ ġenituri fit-tagħlim tal-ulied u tqassim iktar ekwu tax-xogħol tad-dar ħa jkun inqas ġustifikabbli għax se jkollna iktar esperjenza tagħhom. Se kkun hemm ukoll iktar informazzjoni u esperjenza diretta dwar x’jiġri meta opportunitajiet bħal dawn hemm min jista’ jilħaqhom u ħaddieħor le”.

Dr Brown temmet ir-reazzjoni tagħha billi sostniet li dawn huma konsegwenzi ta’ min iqishom fit-tfassil ta’ politika fiskali u soċjali tal-preżent u tal-futur ħalli deċiżjonijiet politiċi u baġits jiġġieldu l-faqar materjali u l-esklużjoni soċjali li qed inkunu xhieda tagħhom f’dawn iż-żminijiet. 

Ekonomija

Sport