Tuesday, December 24, 2024

“Sodisfatt li l-Pulizija arrestaw persuni b’rabta ma’ dan il-każ ikrah fi ftit ħin”

Aqra wkoll

“Sodisfatt li l-Pulizija arrestaw persuni b’rabta ma’ dan il-każ ikrah fi ftit ħin. Is-soċjetà u l-istat ma jittollerawx aġir bħal dan, ġej minn fejn ġej u jagħmlu min jagħmlu,” saħaq il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, f’kumment pubbliku li qasam fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.

Huwa qal dan wara li fl-aħħar sigħat kien hemm xi żviluppi u ġew arrestati xi persuni b’rabta mas-serqa li seħħet nhar il-Ġimgħa li għadda f’ħanut tad-deheb fi Triq Dun Ġużepp Żammit, fiż-Żurrieq. Il-vittma, raġel 67 sena u residenti l-Fgura sofra diversi ġrieħi u aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija ngħad li żewġt irġiel – wieħed ta’ 37 u ieħor 26 sena – flimkien ma’ mara ta’ 29 sena qed jinżammu fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana għal aktar stħarriġ b’rabta ma’ din is-serqa.

Dan kien possibbli bis-saħħa ta’ investigazzjonijiet intensivi u bla waqfien fejn fi ftit sigħat wasslu biex ġew identifikati u arrestati l-allegati ħallelin li x’aktarx kienu qegħdin jistaħbew f’binja abbandunata f’Tas-Sliema. Tard ilbieraħ filgħaxija, il-Pulizija ċċirkondat il-post u malli daħlu ġewwa, it-tliet persuni ppruvaw jaħarbu, iżda kienu arrestati mill-ewwel.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li din l-operazzjoni ta’ suċċess li kellhom il-Pulizija dwar dan il-każ qed tibgħat messaġġ ċar lil kull persuna li tgħaddilha minn moħħha illi tista’ twettaq xi reat simili: jekk tagħmel reat se tinqabad u jkollok taffaċċja l-konsegwenzi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport