Saturday, November 16, 2024

“Sodisfatti bir-riżultat … kellna pressjoni ikbar minħabba li konna qed niddefendu t-titlu” 

Clint Azzopardi; wieħed mill-plejers Maltin tal-blackball fil-Kampjonati tad-Dinja

Aqra wkoll

Fost is-suċċessi li kisbu diversi plejers Maltin tal-blackball fil-Kampjonati tad-Dinja li saru fi Franza fil-jiem li għaddew, kien hemm ir-rebħ tal-midalja tad-deheb fil-kategorija tal-Men’s doubles permezz tal-plejers Lydan Debono u Clint Azzopardi.

Dan is-sit tkellem ma’ wieħed mir-rebbieħa Clint Azzoaprdi fejn tana iktar dettalji. Fi kliemu: “Kellna esperjenza sabiħa ħafna ġewwa Albi fi franza, fejn kellna niddefendu titlu erba’ snin wara li konna rbaħna fi Bridlington fl-Ingilterra wara li l-edizzjoni tal-2020 li kienet ser ssir fl-Awstralja ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-Covid-19.” 

“Fl-ewwel żewġ logħbiet tagħna ftaħna tajjeb ħafna b’rebħa fuq il-Marokk bl-iskor ta’ 3-0 u l-Katalunja wkoll bl-iskor ta’ 3-0 biex imbagħad fil-fażi tal-aħħar 16 iltqajna kontra l-Maltin Maverick Zammit u Clayton Castaldi fejn irbaħna bl-iskor ta’ 4-3 biex għaddejna għall-kwarti tal-finali fejn spiċċajna għelibna lill-Ingliżi bl-iskor ta’ 4-3 wara li konna 3-0 minn taħt.” 

“Tista’ tgħid li din kienet l-iktar logħba eċċitanti tul il-kampjonat! Fis-semi-finali ltqajna kontra Wales fejn irbaħna 4-0 u fil-finali li kienet kontra żewġ Maltin Owen Amato u Leon Debono, spiċċajna ħriġna rebbiħin bl-iskor ta’ 4-1.” 

“Nista’ ngħidlek li kien ta’ sodisfazzjon kbir għalina minħabba li din id-darba kellna pressjoni aktar kbira fuq spallejna minħabba l-fatt li konna qed niddefendu t-titlu fejn konna nafu li t-timijiet l-oħra kienu se jinżlu għalina!”

Ekonomija

Sport