Ninsabu resqin lejn it-tieni ġimgħa tal-kunflitt fil-Golf Għarbi. Kunflitt li inbeda b’attakki mill-Istati Uniti u minn Iżrael fuq l-Iran, li dan imbagħad minn naħa tiegħu irritalja. Ir-ritaljazzjoni kienet tfisser attakki fuq pajjiż ġirien fejn hemm bażijiet militari Amerikani. Kienet tfisser attakki fuq Iżrael. Dan immedjatament ħoloq effett negattiv ħafna. Inħolqu inċertezzi kbar. Il-prezz taż-żejt beda tiela’ l-fuq. Inħolqot inċertezza u konfużjoni fejn jidħol il-kummerċ kemm bil-baħar u kemm bl-ajru. Rajna ajruporti jieqfu kompletament fosthom dak ta’ Dubaj.
Sitwazzjoni li ħafna bdew jitkellmu dwarha. It-tħassib ma jonqosx, kemm għal min hu involut fil-kummerċ u kemm għan-nies inġenerali. Dan għax hu fatt li kunflitt bħal dan, li affettwa immedjatament l-prezz taż-żejt, kien se jwassal għal impatti oħra negattivi f’kull rokna tad-dinja. Iċ-ċaqlieq fil-prezz taż-żejt mill-ewwel beda jqajjem argumenti fost il-poplu tagħna. Il-mistoqsija kienet ċara ħafna. L-elettriku se jibqa’ jinżamm bil-prezz baxx li hu llum? Se jibqa’ jkun issussidjat? Domanda li ħafna bdew jagħmlu għax hi naturali li la jogħla il-prezz taż-żejt, xi ħin jew ieħor dan se jkollu impatt fuq l-ispiża tal-gvern biex jiġġenera l-enerġija. Hu fatt li l-fatt li l-kontijiet baxxi tal-enerġija taw nifs mhux biss lill-poplu u lill-familji, imma anke lin-negozji u intrapriżi industrijali.
Kienet għalhekk deċiżjoni f’waqtha li dań it-tħassib ġie indirizzat mill-ewwel. Filfatt kien il-Prim Ministru li neħħa dawn l-inċertezzi fuq x’se jiġri u dan għamlu billi ddikjara li “l-għajnuna kbira li qed nagħtu favur stabbilità fil-prezzijiet tad-dawl se nibqgħu nsostnuha.”
Kien tajjeb ukoll li dan il-messaġġ intbagħat waqt laqgħa virtwali ma’ numru ta’ mexxejja Ewropej, li kienu qegħdin jiddiskutu iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, kawża tal-isfidi ġeopolitiċi li eskalaw fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Ovvjament din hi deċiżjoni li se tkompli tagħti nifs. Deċiżjoni li minkejja sitwazzjoni kaotika internazzjonali u minkejja prezzijiet taż-żejt telgħin, pajjiżna lest li jkompli jgħin fejn jidħol il-prezz tal-elettriku.
Wieħed jistenna ukoll li l-poplu jagħmel il-parti tiegħu għax is-sussidji ifissru flejjes li l-gvern ikun qiegħed joħroġ u għalhekk miżuri mill-poplu inġenerali biex wieħed jiffranka u jnaqqas il-ħela fil-konsum huma rakkomandabbli.
Wieħed ma jridx jinsa, li s-sussidju fuq l-elettriku ma jiġix mix-xejn. Dan hu sussidju li qiegħed iġorru l-Istat. Hu susssidju sostanzjali.
Ma ninsewx li l-Gvern raħħas it-taxxa fuq l-enerġija u żied l-għajnuna finanzjarja lill-familji l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet. Imma mhux biss. L-Istat Malti assorba wkoll iż-żidiet kollha fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Dan ifisser li l-gvern, jonfoq madwar €350 miljun oħra fuq dawn is-sussidji u b’hekk ikun nefaq qrib id-€931 miljun fi tliet snin fuq dan is-sussidju, li minnu qegħdin igawdu l-familji Maltin u Għawdxin. Għax bis-sussidju ifisser li jkollhom aktar flus fil-but.
Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li kieku l-Gvern mhux jissussidja il-kontijiet tad-dawl, dan ikun ifisser li l-familji iridu jħallsu ferm aktar. Bis-sussidju fuq l-elettriku, il-kont tad-dawl għal żewġ persuni mingħajr il-kont tal-ilma u mingħajr service charges u charges relatati mal-kiri tal-meter hu ta’ madwar €403 f’sena. Li kieku kellu jiżdied il-prezz tal-elettriku għal kif kien il-prezz taż-żejt meta beda l-kunflitt fl-Ukrajna li kien ta’ $100 ‘lbarmil, dak kien ikun ifisser li l-kont tad-dawl biss mingħajr il-kont tal-ilma u ċ-charges jitla’ għal €822 f’sena, jiġifieri aktar mid-doppju.
Tajjeb għalhekk li bħala poplu nibqgħu inżommu f’moħħna li dawn is-sussidji ma jiġux mix-xejn. Ma nistgħux neħduhom qishom xejn mhu xejn. Irridu inżommu f’rasna li pajjiżna hu totalment dipendenti fuq iż-żejt biex jiġġenera l-elettriku u ssaffi l-ilma baħar biex ikollna l-ilma fil-vit. Iż-żidiet fil-prezz taż-żejt iridu nħallsuhom bilfors biex nixtru ż-żejt li pajjiżna jkollu bżonn. Dan juri kemm għandna napprezzaw dawn is-sussidji, li jagħtu nifs qawwi lill-familja tagħna u jħalluhom aktar flus fil-but.

