Jacob Cachia, żagħżugħ ta’ 24 sena, mhuwiex wiċċ ġdid għal ħafna min-nies li segwew l-istorja tiegħu lura fl-2013 meta ntlaqat minn kundizzjoni li kkawżatlu diżabilità.
Minkejja kollox, baqa’ determinat tant li llum il-ġurnata huwa sid ta’ kafetterija u qiegħed jiċċelebra l-ħames Jum il-Ħaddiem tiegħu, apparti mill-fatt li ta’ kuljum huwa jgħix il-ħolma tiegħu realtà.
Fl-isfond tal-fatt li għada jiġi ċċelebrat Jum il-Ħaddiem, il-Ministru Julia Farrrugia Portelli żaret il-kafetterija ta’ Jacob. Hija ddeskriviet l-istorja tiegħu bħala waħda ta’ determinazzjoni.
Il-kunċett ta’ Jacob’s Brew huwa li meta wieħed jixtri kafè, il-kumpanija tħallas bil-quddiem kafè lil dawk li huma fil-bżonn jew għaddejin minn żmien diffiċli.
Mistoqsi dwar kemm huwa importanti li anke persuna b’diżabilità tkun fid-dinja tax-xogħol, Jacob qal li dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir ħafna għax il-fatt li jkollu xi ħaġa li jrid jagħmel kuljum jagħmlu ħerqan.
Il-Ministru Farrugia Portelli nnotat ukoll li fil-kafetterija jħaddmu persuna oħra b’diżabilità. Għal dan, Jacob qal li jemmen li qegħdin hawn biex jgħinu lil dawk in-nies li għaddejin minn żmien diffiċli u dawk li m’għandhomx opportunitajiet biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Qal li l-fatt li jistgħu jipprovdulhom dik il-ħaġa hija xi ħaġa li tagħmlu tassew kburi.