Karl Pace qed isofri minn ġrieħi serji bi ħruq ta’ 60% minn ġismu wara li sfortunatament id-dgħajsa tiegħu ħadet in-nar waqt li kien jinsab ġewwa. L-inċident seħħ bil-lejn bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa meta erba’ jottijiet ħadu n-nar fl-Imġarr.
Fuq post fuq Facebook intqal li fortunatament l-organi vitali tiegħu ma ġewx affettwati u qed jibqa’ pożittiv. Minkejja li kuljum qiegħed dejjem imur għall-aħjar, huwa għandu triq twila biex jirkupra u se jibqa’ l-Isptar għal mill-inqas diversi ġimgħat.
Bħalissa jistgħu jżuruh biss il-qraba tiegħu minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u r-riskju ta’ infezzjoni pero sħabu qed jappellaw biex min irid jista’ jibgħatlu xi kartolina jew xi messaġġ permezz ta’ Whatsapp.
Intant, ħbieb ta’ Karl bħalissa qed jagħmlu ġabra ta’ flus bil-għan li titħallas l-kera u spejjeż oħra tiegħu sakemm jibqa’ jingħata l-kura fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Sal-Tlieta filgħodu kienu nġabru aktar minn €8,500.