Wednesday, December 25, 2024

SOLIDARJETÀ BIL-FATTI

Aqra wkoll

Għaddiet ġimgħa minn meta t-truppi Russi invadew l-Ukrajna. Ġimgħa ta’ tensjoni u qtigħ il-qalb għal mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini Ukreni li kellhom jitilqu minn pajjiżhom minħabba l-attakki tal-gwerra filwaqt li oħrajn għażlu li jibqgħu hemmhekk sabiex jiddefendu lil pajjiżhom.

Rajna familji jinfirdu mill-għeżież tagħhom. Tfal u żgħażagħ fl-aħjar tagħhom jinqatlu. Kien hemm min spiċċa b’ta’ fuqu senduqu u mar ifittex kenn taħt l-art. Sa issa mietu ‘l fuq minn 2,000 ċittadin Ukren f’din il-gwerra li sa issa għadu ma ntlaħaqx soluzzjoni dwarha. Dan barra l-eluf ta’ suldati Russi li nqatlu wkoll.

Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu jiddiskutu bit-tama li tinstab soluzzjoni għall-gwerra. Il-President Ukren irid li titwaqqaf l-invażjoni b’mod immedjat u li t-truppi Russi jiġu rtirati minnufih. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Russu qed jingħad li jrid jilħaq ftehim li jkun jaqbel għaż-żewġ naħat. 

Din is-sitwazzjoni xejn sabiħa għad-dinja partikolarment għall-Ewropa qiegħda tħalli l-effetti tagħha f’diversi pajjiżi inkluż f’Malta, li qed tintlaqat kemm politikament u anke ekonomikament. Aħna parti mid-dinja u ħajjitna tiddependi mir-rabtiet tagħna mal-bqija tad-dinja. F’din iċ-ċirkostanza, bħalma ġara waqt il-pandemija nittamaw li l-Gvern ikompli jagħmel tajjeb għal kull eventwalità.

F’dan il-kunflitt ukoll, Malta wriet il-qalb kbira u ġeneruża tagħha meta diġà offriet kull għajnuna possibbli lil dawk l-Ukreni li huma affettwati, u li qed isibu kenn fi gżiritina. F’dan l-ambitu, tħabbar li mhumiex se jiġu applikati restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar tal-Covid-19 għal ċittadini mill-Ukrajna li qed ifittxu ażil f’pajjiżna ħlief għal perjodu ta’ kwaranina meta jaslu Malta. 

Is-solidarjetà tagħna mal-poplu Ukren kompliet toħroġ aktar fid-deher meta lukandiera Maltin qalu li huma lesti li joffru akkomodazzjoni bla ħlas li tkoprilhom il-perjodu ta’ kwarantina meħtieġ mil-liġi. B’dan il-mod, Malta se tkun tista’ tħaffef il-proċess lil dawk l-Ukreni li jfittxu l-ażil b’konformità mar-rekwiżiti ta’ kwarantina mingħajr ma tgħabbi lil dawn ir-refuġjati bi spejjeż ta’ kwarantina.

Min-naħa l-oħra, ma rridux ninsew li f’Malta hawn komunità Russa u li żgur dawn m’għandhomx jiġu mgħobbijin b’dak li qed jagħmel il-President Russu Vladimir Putin. Irridu li bħala pajjiż nibqgħu nkunu solidali ma’ kulħadd u nagħtu kull għajnuna u appoġġ lil min u fejn ikun meħtieġ. 

Ekonomija

Sport