Il-Milied ġie u għadda. Għaddew ħafna mill-funzjonijiet relatati ma’ dan iż-żmien tant sabiħ li jfakkarna fit-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għaddiet ukoll l-ikla, kif għaddew ukoll l-għoti tar-rigali. Iżda apparti dan kollu, dan kien żmien li ġab miegħu element ta’ ferħ, tama, għaqda u solidarjetà. Huwa xieraq għalhekk li din is-solidarjetà tibqa’ tintwera matul ix-xhur kollha tas-sena u dan meta nafu li hawn daqstant persuni madwar id-dinja li jista’ jkun ma messithomx l-istess xorti li messet lilna.
Dak li rajna ftit tal-jiem ilu, proprju l-għada tal-Milied waqt il-maratona “L-Istrina”, kienet prova oħra tal-ġenerożità u l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi. F’din il-maratona inġabret is-somma ta’ aktar minn €5.7 miljun, fondi li se jassistu lill-Malta Community Chest Fund fil-ħidma tagħha biex tkompli tgħin lil dawk li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet li jirrikjedu l-għajnuna.
Minn dawn il-kolonni naqblu perfettament mas-sentiment espress mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fi tmiem il-maratona li damet għaddejja 12-il siegħa, meta qalet li bir-raġun għandha fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi hekk kif din is-sena wera li qiegħed hemm u lest biex jgħin f’kull sejħa għall-għajnuna.
Ma nistgħux ukoll ma nsemmux il-ħidma sfiqa ta’ mijiet ta’ ħaddiema u volontiera li jagħtu sehemhom biex itellgħu diversi attivitajiet u biex l-edizzjoni ta’ L-Istrina ta’ din is-sena kienet suċċess. Dan il-ġurnal seta’ josserva mill-qrib id-dedikazzjoni kbira ta’ dawn in-nies li taw ħafna mill-ħin tagħhom biex jgħinu waqt l-Istrina. U ta’ dan ħaqqhom kull tifħir. Fl-istess jum kien hemm bosta għaqdiet u entitajiet li organizzaw attivitajiet biex jinġabru fondi għal din il-kawża ġusta. Kien hemm ukoll oħrajn li ħadu inizjattivi simili.
Għalhekk kull donazzjoni li ngħatat, kull att ta’ ġenerożità, ifissru għajn ta’ tama għal nies oħra fil-bżonn. Din it-turija ta’ ġenerozità spikkat ukoll waqt il-kampanja Rigal bi Mħabba u anke waqt l-ikla tal-Milied li organizzat il-Caritas għal dawk il-persuni li jinsabu waħedhom.
Nemmnu wkoll li s-solidarjetà li ntweriet ma’ dawn ħutna fil-bżonn, se terġa’ tintwera fil-bidu tas-sena l-ġdida, meta se terġa’ tittella’ l-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza. Irridu għalhekk naħsbu fil-bżonnijiet ta’ din id-Dar li qiegħda tkun ta’ ġid għal ħafna persuni b’diżabilità.

