Monday, November 18, 2024

Solitudni li tista’ twasslek għall-vizzju

Il-Fondazzjoni tħares lejn il-logħob tal-azzard eċċessiv fost l-anzjani bħala sitwazzjoni li tinsab magħna u hu d-dmir tagħna fl-immedjat li nisimgħu wkoll il-karba tagħha għas-sapport

Aqra wkoll

Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]

Skont statistika li kienet inħarġet mill-Fondazzjoni parti mill-Proġett TAKE ACTION, parzjalment iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, l-attività tal-logħob tal-azzard turi predominanza wkoll fost persuni ikbar fl-età (’il fuq minn 55 sena) partikolarment mir-Reġjuni tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Port (Northern and Southern Harbour Regions). Dawn il-persuni jippreferu jilagħbu flushom fi ħwienet tal-logħob, casinos u swali tat-tombla.

L-anzjani jilagħbu għal raġunijiet varji. Il-fatt li ħafna anzjani jqattgħu ħafna ħin waħedhom, jista’ jwassal għal dwejjaq u dipressjoni fejn il-persuna tispiċċa tirrikorri għall-vizzji, fosthom dak tal-logħob tal-azzard eċċessiv.

Il-Fondazzjoni tgħaddi l-messaġġ biex inżuru lill-ġenituri/ħbieb anzjani tagħna ta’ sikwit u ninteressaw ruħna fir-rutini tagħhom ta’ kuljum. Jekk ma tistax iżżurhom aqbad it-telefown u ċempel!

Sfortunatament meta tkellem persuna anzjana li tkun qiegħda tilgħab b’mod eċċessiv, din turi sinjali ta’ irritazzjoni u normalment tinnega. Il-persuna an­zjana tibda tipprova ġġib lura l-flus li tilfet bil-logħob u saħansitra jista’ jagħti l-każ li l-persuna anzjana tibda tigdeb lit-tfal/ħbieb tagħha biex taħbi l-estremità tal-logħob.

Jista’ jagħti l-każ ukoll li l-persuna anzjana tibda titlob flus lit-tfal/ħbieb tagħha biex tmantni l-logħob.
Is-sintomi huma l-istess bħal kull min jattwa l-attività b’mod eċċessiv!

  • Kilba u ħsibijiet kontinwi biex persuna tilgħab;
  • Diffikultà biex tikkontrolla dik il-kilba u dak l-aptit biex tilgħab;
  • Il-persuna ssibha diffiċli biex tesperjenza pjaċir f’attivitajiet li ma jinvolvux il-logħob;
    Sfortunatament l-eċċessività fil-logħob tal-azzard tista’ twassal għal diversi riperkussjonijiet, fosthom:
  • Problemi soċjali: Nuqqas ta’ komunikazzjoni, problemi f’relazzjonijiet, problemi ta’ vjolenza domestika.
  • Problemi finanzjarji: Użura u serq.
  • Problemi emozzjonali u psikoloġiċi: Nuqqas ta’ attenzjoni, nervi u ansjetà.
  • Problemi ta’ saħħa mentali bħad-dipressjoni.
    Il-kunċett ta’ logħob responsabbli jgħodd ukoll għall-anzjani tagħna! Li persuna tilgħab bħala attività rikreazzjonali u ta’ divertiment ma fiha xejn ħażin u dan jgħodd għal kulħadd.
    L-importanti hu li dik il-persuna tilgħab b’mod responsabbli, jiġifieri li timxi mal-limitu tal-kontroll, kemm ta’ ħin u ta’ flus.
    B’hekk din l-attività ma tkun qed twassal għal ebda riskju.

www.rgf.org.mt

Ekonomija

Sport