Friday, September 26, 2025

“Soluzzjoni vijabbli ta’ żewġ stati mhijiex ‘premju’ għall-Ħamas” – il-Prim Ministru Robert Abela fit-80 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Aqra wkoll

“Soluzzjoni vijabbli ta’ żewġ stati mhijiex ‘premju’ għall-Ħamas. Huwa l-oppost eżatt. Huwa l-uniku mod biex finalment jitneħħa l-ħażen tal-Ħamas. Huwa l-unika soluzzjoni li tista’ twassal għall-futur sostenibbli u paċifiku li ż-żewġ popli jixtiequ u jistħoqqilhom. Naturalment, it-triq lejn soluzzjoni ġusta ta’ żewġ stati hija waħda twila, mimlija diffikultajiet. Ma jfissirx li hija impossibbli”

Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors li għamel il-Ġimgħa filgħaxija fit-80 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Prim Ministru enfasizza li d-dinja għandha d-dmirijiet tagħha lejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani bl-istess mod biex isegwu din it-triq lejn il-paċi. Żied jgħid li tabilħaqq id-dinja qed tiffaċċja għażla diffiċli u li f’wisq oqsma tal-ħajja, qed jinbnew wisq ostakli.

Il-PM irrimarka li huma nazzjonijiet gżejjer żgħar bħal Malta li jħallsu l-ogħla prezz, u jieħdu l-akbar daqqa. Qal ukoll; “is-sigurtà hija l-ewwel dmir ta’ kwalunkwe gvern. Kull nazzjon għandu d-dritt li jieħu l-passi meħtieġa biex jipproteġi lilu nnifsu. Iktar ma tkun kbira l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri,

iktar tkun kbira l-protezzjoni li nistgħu noffru liċ-ċittadini tagħna”. 

Fid-diskors tiegħu, spjega kif kwalunkwe theddida għall-prosperità globali hija theddida għas-sigurtà globali. Kien għalhekk li ħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Uniti biex jirdoppjaw l-isforzi tagħhom biex jissalvagwardjaw il-konnettività li nazzjonijiet kummerċjali bħal Malta jiddependu fuqha. Għamel ukoll referenza għal gwerra, fejn għamel enfasi dwar Gaża. 

Dwar Gaża, il-Prim Ministu enfasizza li ma jiflaħx jara aktar l-uġigħ u t-tbatija fiżika u psikoloġika f’għajnejn it-tfal li nġiebu Malta minn Gaza, biex jingħataw futur aħjar. Tfal b’feriti ma’ ġisimhom kollu meta dawn suppost qed igawdu ż-żmien sabiħ f’żogħżithom. Semma’ wkoll lil dawk il-ġenituri, li tilfu lil uliedhom.

Abela żied jgħid; “It-tmexxija għandha tkun dwar l-umanità u l-empatija, u mhux dwar min jista’ jikkawża l-massimu ta’ ħsara biex ‘jirbaħ’ gwerra, jew jeqred nazzjon. Din il-ġimgħa kont kburi li ngħaqadt ma’ mexxejja dinjija oħra u żidt lil Malta mal-lista dejjem tikber ta’ alleati li jirrikonoxxu l-istat Palestinjan. Wara għexieren ta’ snin ta’ diskussjonijiet f’Malta, ħadna azzjoni deċiżiva”

Abela għamel referenza għal Ibrahim, il-ġuvni ta’ ħmistax -il sena li bħalissa jinsab ġewwa pajjiżna u qed jirċievi l-aqwa kura medika u f’Malta wara li tilef iż-żewġ saqajn u kien indarab serjament minn missila. Saħaq li dawn huma  r-realtajiet ta’ kuljum f’Gaża. 

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministeru qal li d-dinja qed tiffaċċja sfidi bla preċedent u li fl-era li ninsabu fiha bħalissa, il-pajjiżi kollha huma esposti għat-theddid li lkoll niffaċċjaw bħal qatt qabel.

Il-PM tenna d-diskors tiegħu billi qal; “Bħala dinja qed niffaċċjaw żewġ għażliet. Nistgħu nitilfu t-tama, nieqfu nippruvaw. Jew nistgħu rduppjaw l-isforzi tagħna. Nintervjenu u Nimxu ‘l Quddiem. U qatt ma naqtgħu qalbna”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport