Saturday, March 2, 2024

Solvuti żewġ każijiet miġjuba għall-attenzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman li jinvolvu tfal bl-awtiżmu

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari nnota b’sodisfazzjon li ż-żewġ każijiet, li jinvolvu tfal bl-awtiżmu, li riċentement tressqu għall-attenzjoni tiegħu ġew solvuti b’mod sodisfaċenti, tal-inqas għalissa, mid-Dipartiment għall-Edukazzjoni. 

Ilment wieħed inġieb għall-attenzjoni tal-Kummissarju fl-24 ta’ Jannar u ġie kkomunikat formalment fis-27 tal-istess xahar lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru responsabbli għall-Edukazzjoni skont l-Artikolu 18(1) tal-Att dwar l-Ombudsman. Il-każ l-ieħor inġieb għall-attenzjoni tal-Kummissarju fil-15 ta’ Jannar u kien qed jiġi mmonitorjat mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni, bi qbil mal-ġenitur li ressqet l-ilment, mingħajr komunikazzjoni formali taħt l-Artikolu 18(1). 

Iż-żewġ każi ġew solvuti l-ġimgħa li għaddiet permezz tal-intervent immedjat tad-Direttur Ġenerali, Riżorsi Edukattivi u l-ħidma ma taqta’ xejn tal-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. 

Fil-frattemp il-Kummissarju għall-Edukazzjoni u wara konsultazzjoni mal-Ombudsman, kif mitlub mil-liġi, beda investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar rapporti marbuta mal-lista ta’ stennija għal-LSE u t-tul tal-proċess tal-istatementing. Bdew laqgħat mal-partijiet interessati biex b’mod oġġettiv jiġu stabbiliti l-fatti. 

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fakkar lill-partijiet interessati li d-dritt għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali tal-bniedem, li tfal bi problemi ta’ tagħlim jistħoqqilhom l-aqwa edukazzjoni li l-Istat jista’ jipprovdi, kemm skont il-liġi, kif ukoll skont l-obbligi internazzjonali, u li l-Istat għandu d-dmir li jiżgura li l-edukaturi fil-livelli kollha jiġu mħarrġa b’mod adegwat u jkunu kompetenti biex jintlaħqu l-bżonnijiet kollha tat-tfal fdati f’idejhom u biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tagħhom.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport