Saturday, December 28, 2024

Somalu akkużat li pprova jistupra mara

Aqra wkoll

Somalu ta’ 32 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li dalgħodu tressaq il-Qorti fejn kien akkużat li pprova jwettaq stupru.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Antonello Magri qalet li l-każ seħħ fis-19 ta’ Lulju li għadda. Hu kien akkużat ukoll li żamm lill-vittma kontra l-volontà tagħha u kkawżalha biża’.

Is-Somalu wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Ġie spjegat li l-akkużat kien iltaqa’ mal-mara u mill-ewwel beda jipprova jagħmel avvanzi sesswali fejn hi bdiet tirreżistih.

L-Ispettur qal li hi pprovat taħrab mill-kamra fejn kienet miegħu, iżda hu ġibidha għal fuq sufan fejn ipprova jkollu x’jaqsam magħha sesswalment. Il-mara rnexxielha taħrab u baqgħet sejra tagħmel rapport l-għassa tal-pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, l-akkużat kellu jittieħed l-Isptar Monte Karmeli fejn qed jingħata l-kura, iżda fuq pariri mediċi hu ġie nterrogat u nstab tajjeb li jista’ jitressaq il-Qorti.

L-avukat tal-Għajnuna Legali Mattia Felice ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li saħqet li mhux qed tagħmel hekk minħabba li r-raġel la kellu indirizz fiss u lanqas xogħol.

Il-Qorti ordnat li isem il-vittma ma jixxandarx kif ukoll li waqt il-proċeduri ma jingħatx il-post fejn taħdem. Id-difiża talbet divjett fuq isem l-akkużat, iżda l-Qorti ċaħdet din it-talba.

Il-Maġistrat Bartolo ta ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma fejn anke wissa lis-Somalu li jekk jikser din il-protezzjoni jiġi mmultat €7,000.

Ekonomija

Sport