Friday, November 15, 2024

Somalu illiberat minn attentat ta’ serqa minħabba l-istat mentali

Aqra wkoll

Żagħużgħ ta’ 25 sena mis-Somalja li jgħix Ħal Safi ġie illiberat minn akkuża ta’ attentat ta’ serq wara li rriżulta li dak il-ħin kien fi stat ta’ ġenn.

Iż-żagħżugħ kien mixli li fil-15 ta’ Ottubru 2018 ipprova jisraq minn ħanut fil-Ħamrun u li żamm żewġ persuni kontra r-rieda tagħhom.

Peress li kemm it-traduttur kif ukoll l-avukat li tqabbdet biex tidher għalih sabu diffikultà jikkomunikaw miegħu din tal-aħħar talbet lill-Maġistrat Victor Axiak jaħtar psikjatra biex jeżaminah.

Għal dan il-għan tqabbad il-psikjatra Joseph Cassar li kellmu biż-żagħżugħ jgħidlu li huwa ippersegwitat minn ilħna ġewwa moħħu.

Dr Cassar ikkonkluda li huwa psikotiku kif ukoll li l-kundizzjoni tiegħu titjieb meta jieħu l-mediċina preskritta.

“F’dan il-mument jinsab fi stat ta’ ġenn u għalhekk mhux f’pożizzjoni li jagħraf ir-responsabbilta kriminali tiegħu u ma jistax jifhem il-kawża”, ikkonkluda Dr Cassar.

Dan kien konfermat mill-psikjatra Marija Axiak li tikkurah fl-Isptar Monte Carmeli fejn ikkonkludiet li jbati mill-iskiżofrenija.

Kien għalhekk li fl-isfond ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-Maġistrat Axiak iddikjara li ma setax isibu ħati u eżentat mir-responsabbilta kriminali.

Huwa ordna li s-Somalu jinżamm taħt kustodja fl-Isptar Monte Carmeli u jista’ jinħeles biss mill-Qorti wara li tliet speċjalisti jippreżentaw rapport li jkun jista’ jiġi meħlus.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Stacy Attard waqt li għas-Somalu dehret l-Avukat Graziella Tanti. 

Ekonomija

Sport