Somalu ta’ 42 sena li baqa’ dieħel f’ħanut tax-xagħar f’Santa Venera ġie kkundannat sitt xhur priġunerija sospiżi għal sentejn.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ 7 t’Awwissu ta’ din is-sena, meta allegatament, Abdi Salaan Mahamad Abditon Ali saq taħt l-influwenza tax-xorb, li saq b’mod traskurat u perikoluż u li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak, Ali fil-bidu ċaħad l-akkużi kontrih, iżda fi-seduta ttat-Tlieta filgħodu biddel l-ammissjoni tiegħu u ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, xehed rappreżentant mill-kumpanija tal-assikurazzjoni Elmo Insurance, fejn spjega li l-claim għall-ħsarat tal-ħanut kienet diġà ġiet proċessata u approvata.
Żied jgħid li l-kumpanija ikkonfermat li l-ammont sħiħ tal-ħsarat se jiġi kkumpensat lil sid il-ħanut tax-xagħar.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Axiak immultatu €2,000 u kkundannatu għal sentenza ta’ 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn.