Ayoub Ali Adam, Somalu ta’ 29 sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li gidem raġel ieħor f’argument li kellhom.
Filwaqt li quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco wieġeb mhux ħati, qal li qiegħed f’pajjiżna fejn qed ifittex l-ażil.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba diversi raġunijiet.
Wara li l-Maġistrat semgħet liż-żewġ naħat, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jistax javviċina l-vittma u xhieda oħrajn.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni a favur il-vittma. Il-Qorti wissietu li bl-ebda mod ma jista’ jitlaq minn Malta, u f’każ li l-permess tar-residenza Maltija ma jingħatalux, jiġi arrestat minnufih.

