Thursday, March 5, 2026

Sondaġġi..

minn Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Kollox jidher li huwa bbażat fuq ir-riċerka u għaliex le! Speċjalment fejn jidħlu flus il-poplu u min huwa l-aħjar biex imexxi flus il-poplu. Il-politika mhiex xi logħba monopoli u jekk l-affarijiet imorru ħażin titfa’ kollox ġol-kaxxa u titfa’ l-kaxxa fil-ġenb. Il-politika taffettwa b’mod dirett u indirett il-ħajja tal-poplu kollu u ta’ dawk li hawn u ta’ dawk li għad iridu jiġu. 

Trid maturità u esperjenza li ħafna drabi ngħarfu minn min huwa żattat u jippoża li għandu imma fil-fatt ma għandu xejn ħlief ippupar u dan ma jfisser xejn. Ukoll l-iktar ħaġa li hija b’xejn huwa l-paroli u kulħadd jista’ jwiegħed kollox lil kulħadd imma kemm fil-verità twettaq dak li tkun qed twiegħed li huwa l-iktar ħaġa li tgħodd. Il-ħajja pubblika għallmitni li l-wegħda hija dejn u dak li twiegħed trid tkun ċert li tista’ twettqu.

Il-Partit Laburista fil-Gvern jikkalkulaha kull miżura kemm tiswa’ u jekk dik il-miżura jistax jagħmilha jew le. Jien inutli lil uliedi nwiegħedhom li sejrin nixtru ċertu affarijiet fil-ġimgħa jekk ma jkollix dħul finanzjarju biżżejjed biex dak li nwiegħed iseħħ. Hekk ukoll pajjiż ma jistax partit iwiegħed kollox lil kulħadd basta nieħdu l-vot ta’ dak is-settur. 

Importanti biex tkun kredibbli li dak li twiegħed fid-djar, ikun ikkalkulat u tkun tista’ tagħmlu b’mod ġenerali. Kultant ċertu politiċi jinqabdu li jkunu qed jużaw tattika mhux onesta u li qed iwiegħdu kollox lil kulħadd. Lil dawk li huma kontra l-murtali għax jagħmlu l-ħoss jgħidulhom kif jdejquhom għax jinħażlu u lil dawk li jaħdmu n-nar jgħidulhom sa minn Alla jkunu huma kieku festa ma ssirx. Tkun bla esperjenza u forsi għax tkun ħadmitlek fuq livell lokali din l-istrateġija ma jfissirx li sejra taħdimlek fuq livell nazzjonali.

Gvern Laburista b’wegħdiet li jżomm

Il-Partit Laburista mhux biss għandu ċertu serjetà ta’ kif isiru l-proposti imma wkoll għandu makkinarju sħiħ issa li qiegħed fil-gvern biex jiżgura li kull wegħda li saret sejra bis-serjetà titwettaq u jista’ jikkalkula kemm kellu wegħdiet u kemm wettaq minn dawk il-wegħdiet u x’fadallu jwettaq. Għax mhux sewwa li l-ewwel inwiegħdu kollox u wara noqogħdu ngibu ħafna skużi kif kienu jagħmlu gvernijiet nazzjonalisti u jispiċċaw ma jwettqux il-wegħdi tagħhom stess. 

Anzi, kien il-gvern tal-Prim Ministru Muscat li wettaq uħud mill-wegħdiet li kienu għamlu l-PN għax huma fil-gvern dak li wegħdu ma setgħux iwettquh. Mhux sewwa li tipprova tidħaq bil-poplu fil-mod kif iġġib ruħek u trid tiddeċiedi. Jekk il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li hawn il-ħaddiema barranin żejda, kif sejjer iħaddem l-isptarijiet u l-kliniċi li qal li jrid ikompli jżid? 

Kulħadd jaf li diġà għandna problema biex nagħtu servizz f’dawk li għandna minkejja dawn il-ħaddiema kollha li qed jagħtu servizz f’Malta u Għawdex. Li nieħdu l-4 day week qisu ma ssemmietx iktar issa Dr Alex Borg wara li qalulu li biex nagħmlu din għandna bżonn mal-50,000 barrani ieħor jaħdmu ġewwa pajjiżna.

Il-metodoloġija tas-sondaġġi u s-soċjetà

Diġà hemm ħafna sitwazzjonijiet li n-Nazzjonalisti nqabdu f’pożizzjoni mhux serja u li ma tistax tafdahom fuq diversi imġieba anke bejniethom. Għax kif jgħid il-Malti, jekk dawn iweġġgħu lil xulxin u jekk dawn lanqas għandhom kelma ma’ xulxin kif se jżomm kelmtu mal-poplu? Jekk Dr Delia ftehem mod u l-għada ħareġ bil-kontra kif sejjer iżomm kelmtu miegħi li ma jafniex!!

Isiru diversi sondaġġii u qisu li anke aħna bħan-nies fil-politika nieħdu gost naraw in-nies x’qed jgħidu dwar dak li nkunu qed inwettqu. Minn dejjem kien hemm metodoloġiji differenti ta’ kif tagħmel is-sondaġġi u hemm min ikun attent ħafna biex is-sondaġġi tiegħu jkunu jirriflettu l-verità kollha li jkun qed jiġri fis-soċjetà. 

Bla dubju ta’ xejn il-Professur Marmara huwa espert f’dan il-qasam u jagħmel biċċa xogħol tajba immens. Kif ħafna jistgħu jimmaginaw ikbar ma jkun in-numru ta’ nies intervistati u li jipparteċipaw fis-sondaġġi iktar sejjer ikun jirrifletti l-verità li n-nies qed tgħix u taspira. 

Ukoll il-persuni li jwieġbu għad-domandi jridu jkunu ġejjin minn sferi differenti tas-soċjetà tagħna li wkoll jirriflettu l-livelli differenti tas-soċjetà. Ħa nagħti eżempju… jekk jien nagħmel sondaġġi ġewwa Bormla naf li hemm stronghold Laburista allura se jkolli sondaġġ favur il-Labour, filwaqt li jekk nagħmel sondaġġ għal Ħal Balzan naf li din hija stronghold Nazzjonalista u bilfors ikolli riżultati favorevoli favur il-PN. 

Għalhekk mhux kull suntagg jista’ jirrifletti dak li jkun għaddej fis-soċjetà tagħna u min ikun qed jagħmlu jista’ jkun qed jimmanipula din l-għodda biex jagħti stampa ta’ kif irid huwa. Jien għandi fiduċja sħiħa fl-integrità tal-Professur Marmara u jiddispjaċini ngħid li lilu nafdaħ b’għajnejja magħluqa. Is-sondaġġi l-oħra li jsiru narahom u nħares lejhom sew imma, ma tantx inħallihom jikkundizzjonawni.

Poplu b’għażla massiċċa lill-PL

Kellna Prim Ministri Nazzjonalisti li kienu jaqilgħu tkaxkira kbira fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u kienu jgħidulna li dawk kienu elezzjonijiet friendly u ħallewna nirbħulhom u li fl-elezzjoni ġenerali xorta sejrin jirbħuha. Kollox huwa sondaġġ għax anke l-elezzjonijiet tal-kunsill u tal-Parlament Ewropew il-poplu tkellem u għażel lill-Partit Laburista b’maġġoranza massiċċa liema bħalha li l-Partit Nazzjonalista qatt ma resaq lejn dawk in-numri.

Kull elezzjoni nibdew xejn b’xejn, għalhekk kull min irid li Malta u Għawdex jibqgħu mmexxija mill-Prim Ministru Abela u mill-Partit Laburista jrid jaħdem biex inkompli nserrħu ras in-nies li mal-Labour jafu fejn qegħdin. Li l-Prim Ministru Abela l-kelma hija kuntratt u mhux sejjer jgħidlek xi ħaġa u jagħmel oħra u li fl-aħħar mill-aħħar grazzi għad-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Partit Laburista u l-Prim Ministru Abela, qatt ma konna tajbin daqs illum. Din hija l-verità u dak li jirriflettu s-sondaġġi.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport