The Life Ahead
Fl-età ta’ 86 sena, Sophia Loren tirritorna fuq l-iskrin il-kbir. Ilna ma narawha fit-teatri lokali minn Jannar 2010 meta dehret f’parti żgħira fil-musical “Nine”.
Il-film il-ġdid “The Life Ahead” jerġa jlaqqagħha ma’ binha, id-direttur Edoardo Ponti. Dan hu t-tieni film li qed jaħdmu flimkien. Fl-2002, kienu ħadmu l-film drammatiku “Cuori Estranei”.
L-interpritazzjoni tajba ta’ Sophia Loren f’”The Life Ahead” qed toħloq interess kbir għax qed tissemma’ li għandha ċans li tkun innominata għal Oscar. Jekk jiġri dan, tista’ tkun protagonista ta’ rekords fl-istorja tal-Oscars.
Ma rridux ninsew li Sophia Loren saret l-ewwel waħda li rebħet Oscar bħala l-aħjar attriċi meta dehret ġo film mhux maħdum bil-lingwa Ingliża. Fl-1962 rebħet dan l-unur għall-parti li kellha f’“La Ciociara”.
Jekk fl-2021 tkun innominata għal “The Life Ahead” tkun l-ixjaħ waħda li ġiet innominata fl-istorja tal-Oscars. Jekk imbagħad Sophia Loren tirbaħ l-Oscar, hi tikser ir-rekord ta’ Jessica Tandy bħalha l-ixjaħ attriċi li tirbaħ l-Oscar.
“The Life Ahead” (Netflix: 12A) hu ispirat mir-rumanz tal-Franċiż Romain Gary, ‘The Life Before Us’. Mhix l-ewwel darba din l-istorja rajniha bħalha film. Fl-1977, kienet inħadem taħt l-isem ta’ “Madame Rosa” b’ Simone Signoret. “Madame Rosa” kien rebaħ l-Oscar bħala l-aħjar film mhux mitkellem bil-lingwa Ingliża.
F’“The Life Ahead”, Sophia Loren fil-parti ta’ Madame Rosa, tati wirja li għandha timmeritha almenu nominazzjoni għall-Oscar. Għandha kompetizzjoni mit-tfajjel Ibrahima Gueye, fil-parti ta’ Momo li jkun tifel Senegaliż, jiġri fit-toroq ta’ Bari u juża moħħu biex jgħix. Għandu wiċċ espressiv ħafna.
L-ewwel laqgħa ta’ Momo ma’ Madame Rosa ma kienitx waħda tajba għax hu jisraqilha l-baskett bix-xirja meta tkun fis-suq. It-tabib Coen (Renato Carpentieri) iġegħlu jieħu lura l-baskett lil Madame Rosa u jitlobha apoloġija. It-tabib jitlobha wkoll biex iżżommu magħha. Madame Rosa kienet diġa tagħmel fostering ta’ żewġt itfal oħra . Kemm Madame Rosa kif ukoll Momo ma tantx ikunu kuntenti b’dan l-arranġament li jipproponi t-tabib, speċjalment għax Momo kien imexxi d-droga għal wieħed mill-barunijiet tal-kriminalità.
Il-film għandu ħafna mumenti emozzjonali kif ukoll fotografija mill-isbaħ. Il-kanzunetta ewlenija tal-film hi nterpritata minn Laura Pausini.
The Witches
Roald Dahl hu assoċjat ma’ uħud mill-aqwa kotba għat-tfal, fosthom ‘Charlie and the Chocolate Factory’ u ‘Matilda’. Bħala ktieb, ‘The Witches’ kien ġie ppubblikat fl-1983. Seba’ snin wara, kien inħadem bħala film li fih spikkat Anjelica Huston, flimkien ma’ Rowan Atkinson.
Kemm bħala ktieb, kif ukoll bħala film, “The Witches” hu effettiv u jżommok fuq ix-xwiek. L-istorja f’dan il-film teħodna fis-snin sittin f’Alabama. Wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu f’aċċident tat-traffiku, it-tifel orfni (Jahzir Bruno) ikollu jmur joqgħod ma’ nanntu (Octavia Spencer). It-tifel ikun imdejjaq ħafna; ma jridx jiekol u anqas jitkellem. Wara li taqbadha tkaħħiħa stramba, in-nanna tiddeċiedi li tmur għal btala f’lukanda u tieħu lit-tifel magħha. Fl-istess jum jaslu grupp ta’ nisa immexxija minn waħda fuq tagħha (Anne Hathaway). Ma ndumux ma niskopru li dawn kienu sħaħar u l-mexxejja tagħhom kienet il-Grand High Witch. L-intenzjonijiet tagħhom ma kienux onorabbli u t-tifel orfni ma jdumx ma jsib ruħu imdawwar f’ġurdien.
Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Robert Zemeckis, “The Witches” jirnexxilu joħloq dak is-sens maġiku li naraw f’kull film li jagħtina dan id-direttur. Anne Hathaway tissorprendik għax narawha f’parti mhix tipika għall-karatteristiċi tagħha. Għandha karattru ta’ mara kattiva u t-trasformazzjoni tagħha bl-effetti diġitali meta ssir saħħara, ma jgħinux lil din l-attriċi simpatika. Anne Hathaway ma kienitx l-ewwel għażla. Helena Bonham Carter irrifjutat din il-parti meta offrewilha. Naħseb li Bonham Carter kienet tkun ideali għal din il-parti. Anke Jennifer Lopez irrifjutat il-parti. Lopez ukoll kienet tbati.
Mill-banda l-oħra, Octavia Spencer hi fit-territorja tagħha meta offrewlha l-parti tan-nanna. Hi ġġibilna s-simpatija kollha hekk kif tipprova minn kollox biex tgħin lin-neputi u lil ħabibu (li wkoll jiddawwar f’ġurdien) jerġgħu jiġu bnedmin.
“The Witches” (Warner Bros.: PG) ħoloq kontrovesja fil-mod kif ġew ippreżentati ir-riġlejn u dirgħejn tal-Grand High Witch u n-nisa sħaħar l-oħra. Minħabba f’hekk, Anne Hathaway kellha tagħmel apoloġija pubblika.