Saturday, October 26, 2024

Sorsi jgħidu li x-xabbatur Iranjana kienet sfurzata tagħmel apoloġija wara li ma libsitx il-velu

Aqra wkoll

Sorsi li tkellmu mal-aġenzija tal-aħbarijiet BBC qalu li x-xabbatur Iranjana li kkompetiet mingħajr il-velu ma ħarġitx l-apoloġija minn jeddha iżda kienet sfurzata biex tagħmel dan. 

Elnaz Rekabi, li għandha 33 sena, kisret il-liġi stretta Iranjana dwar l-ilbies meta kkompetiet f’kompetizzjoni sportiva ġewwa l-Korea t’Isfel hekk kif hija pparteċipat mingħajr velu. Meta rritornat fl-Iran hija mbagħad qalet li bil-fixla insiet tilbes il-velu u skużat ruħha ta’ dan. 

Iżda s-sorsi li tkellmu ma’ BBC qalu li Rekabi sfat mhedda fejn fost l-oħrajn allegatament l-awtoritajiet qalula li kienu se jieħdu l-proprjetà kollha tal-familja tagħha. Dan kollu qiegħed iseħħ fi żmien meta fl-Iraq għaddejjin dimostrazzjonijiet kbar dwar l-ilbies tal-velu.

Hekk kif waslet lura f’pajjiżha Rekabi sabet folla numeruża ta’ nies jilqgħuha u ddeskrivewha bħala eroj. Kien hemm allegazzjonijiet li dakinhar stess hija spiċċat miżmuma f’kamra ġewwa l-Bini Olimpiku tal-Iran sakemm iltaqgħet mal-ministru tal-isports. Allegazzjonijiet oħrajn qed jgħidu li bħalissa hija tinsab arrestata ġewwa darha, iżda l-awtoritajiet qalu li hija għandha bżonn il-mistrieħ.

Sport