Minn VICTOR VELLA
Soru Maltija, Sr Carmela Chetcuti, li hi Maltija imma li tgħix f’Detroit fl-Istati Uniti, kienet l-unika minn sitta fi sptar li rnexxielha tirkupra mill-COVID 19. L-aħħar ġimgħatejn kienu jiem ta’ taqtiegħ il-qalb għal familjari u qraba ta’ Sr Carmela, magħrufa għal ħidma tagħha b’risq dawk vulnerabbli. Filfatt minħabba l-COVID hi spiċċat f’koma. Irnexxielha tirkupra wara ġimagħtejn.
Lilian Chetcuti f’kumment qaltilna li “Sr Carmela hi l-kuġina tiegħi. F’ġimgħa kienet marret darbtejn l-isptar minħabba sintomi imma ma ttestjawhiex għall-COVID. Bagħtuha id-dar imma l-kundizzjoni tagħha baqgħet sejra għall-agħar. Finalment reġgħet spiċċat l-isptar.”
Il-kundizzjoni tagħha tant kienet ħażina li t-tobba infurmaw li kieku ma daħlitx l-isptar dak inhar, hi kienet se tmut matul il-lejl. Fil-jiem ta’ wara spiċċat f’koma. Iżda wara ġimagħtejn irkuprat u bdiet tieħu in-nifs waħidha. It-tabib meta tkellem magħha qalilha li minn sitt hi biss irnexxielha tgħix.
Hi ħarset lejh u qaltlu ‘dak għax jien Maltija’. Saħħitha issa qed tirkupra bil-mod u qed timxi ftit ukoll. Anki in-nifs tagħha qed jitjieb. Sa issa ilha xahar tiġġieled ma’ dan il-virus.
Maltija f’Detroit sostniet li “Sr Carmela hi magħrufa ħafna f’Michigan. Hi soru li tgħin ħafna nies. Hi kienet waqqfet ‘The Society for Peace’ li hi organizazzjoni volontarja li tgħin biex tippromwovi l-paċi madwar id-dinja. Detroit, hi belt li fiha hemm komunità imdaqqsa ta’ Maltin.
.