Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia żaru l-bajja tar-Ramla l-Ħamra fejn wara 70 sena fekruna tat-tip Loggerhead telgħet biex għamlet il-bejta tagħha f’din il-bajja pittoreska.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-Ministeru għal Għawdex immedjatament ħa passi sabiex ikun hemm sorveljanza lejl u nhar fuq il-bejta u appella lil dawk li jżuru l-bajja biex iżommu d-distanza minn dan is-sit, filwaqt li qal li se jkompli jsegwi kull żvilupp. Barra minn hekk, ħabbar ukoll illi s-sandsifting ippjanat għal din il-ġimgħa li kien se jsir għall-ewwel darba biex ikun mgħarbel ir-ramel minn materjal bħal cigarette butts u plastik, ġie sospiż minħabba dawn iċ-ċirkostanzi partikolari.
Filwaqt li rringrazzja lill-Awtorità għall-Ambjent u Nature Trust talli ħadu azzjoni immedjata malli ġew infurmati bil-bejta kmieni s-Sibt filgħodu, il-Ministru Aaron Farrugia qal li s-sit ser ikun qed jingħata protezzjoni diretta permezz ta’ Ordni ta’ Emerġenza għall‑Konservazzjoni sabiex jassigura li l-bejta ma tkunx fil-periklu. Huwa spjega kif din il-fekruna, li għandha rwol importanti fl-ekosistema marittimu, hija protetta globalment permezz tal-World Conservation Area kif ukoll b’diversi tipi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali. Il-Ministru Farrugia saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li nipproteġu l-bijodiversità naturali li għandu pajjiżna.