Il-Prim Ministru Libjan issospenda lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tiegħu wara li b’mod informali ltaqgħet mal-kontroparti tagħha Iżraelita.
Il-Libja ma tirrikonoxxix lill-Iżrael peress li Tripli tappoġġja l-kawża Palestinjana u din il-laqgħa qanqlet diversi protesti.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iżrael Eli Cohen iddeskriva l-laqgħa li kellu ma’ Najla al-Mangoush bħala “l-ewwel pass storiku” biex jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet bejniethom.
L-Iżrael qiegħed jipprova jibni rabtiet eqreb ma’ numru ta’ pajjiżi Għarab u b’maġġoranza Musulmana, bħalma hi l-Libja.
Madankollu, il-Kunsill Presidenzjali tal-Libja, li jirrappreżenta t-tliet provinċji tiegħu, qal li kien illegali li jiġu normalizzati r-relazzjonijiet mal-Iżrael.
L-Uffiċċju tal-Ispeaker fil-Parlament akkuża lil Mangoush bi tradiment kbir, u l-Prim Ministru Abdul Hamid Dbeibah talab għal investigazzjoni fi-konfront tagħha.
Sadanittant, is-Sur Cohen qal li huwa kien iltaqa’ ma’ Mangoush b’kumbinazzjoni l-ġimgħa li għaddiet fi tmiem summit f’Ruma fejn iddiskutew “il-potenzjal kbir għar-relazzjonijiet bejn ż-żewġ pajjiżi.”
Huwa qal ukoll li kienu tkellmu dwar l-għajnuna Iżraelita fi kwistjonijiet umanitarji, tal-agrikoltura, tal-immaniġġjar tal-ilms u l-importanza tal-preservazzjoni tal-wirt Lhudi fil-Libja, inkluż ir-rinovar ta’ sinagogi u ċimiterji.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Libja qal li Mangoush kienet irrifjutat laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Iżrael u dak li seħħ kien “laqgħa mhux skedata u każwali waqt laqgħa fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja.”
Minħabba f’din il-laqgħa seħħew protesti kbar fil-kapitali Tripli u f’xi bliet oħra. Diversi toroq ġew imblukkati, inħarqu tajers u dimostranti dehru jxejru l-bandiera Palestinjana, għalkemm il-protesti jidhru li kienu relattivament żgħar.