Wara jiem ilu Dr Adrian Delia, li huwa wieħed minn żewġ kontestanti għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, iddikjara kif ħassu tradut bil-mod kif aġixxa Dr Alex Borg u dan minħabba l-allegat ftehim li Delia baqa’ jinsisti li kien hemm bejniethom.
Issa fi grupp partikolari magħluq li qiegħed jappoġġja lil Dr Alex Borg, għadd ta’ sostenituri esprimew ir-rabja tagħhom għall-mod kif qegħdin jaġixxu dawk li jappoġġjaw lil Delia. Dan b’rabta ma’ kummenti li nkitbu u huma diretti lejn Alex Borg.
Dawn il-kummenti iebsin li qegħdin jinkitbu qed iwasslu biex jinħolqu dubji kbar kemm din l-elezzjoni hija kontestazzjoni bejn il-ħbieb. Ta’ min jgħid li l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, f’intervista ma’ IT-TORĊA, enfasizza li jidher ċar li bejn iż-żewġ kandidati hemm rispett reċiproku u li skontu, kulħadd qiegħed jaħdem biex iwassal il-messaġġ tiegħu.
Qal li huwa m’għandux dubju li la ħarġu t-tnejn li huma, jaħsbu li se jagħmlu biċċa xogħol aħjar. Irrimarka li jara dan kollu bħala xi ħaġa ‘healthy’ li jkun hemm kontestazzjoni bejn tnejn min-nies li għandhom ċertu saħħa.
Fost il-kummenti li nkitbu fuq sit magħluq li fih hemm miġbura s-sostenituri ta’ Alex Borg, hemm “għaliex, għaliex? Meta ħa niġbdu ħabel wieħed?”.
Kumment ieħor li nkiteb kien jgħid li “nies hekk jissejħu bad losers”.
“Jekk mhux se niġbdu ħabel wieħed mhux se nieħdu ruħ”
Kumment ieħor kien jgħid li “ma nafx għaliex dan kollu. Jekk ma niġbdux ħabel wieħed m’aħniex se nieħdu ruħ. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu. Kulħadd jista’ jitkellem bil-vot. Imma t-tgħajjir m’huwa sew għal ħadd. Aħjar kelma inqas milli żejda. Wara kollox dawn kollha għandom familja u kollha għamlu sagrifiċċju kbir għall-partit”.
It-tgħajjir spiċċa qiegħed idejjaq diversi tesserati fejn kienu diversi dawk li esprimew id-dieqa u r-rabja tagħhom. Kumment kien jgħid li, “bit-tgħajjir ma nħossuniex kburin li aħna Maltin Nazzjonalisti”.
Vleġeġ diretti lejn dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia
Fl-istess grupp wieħed isib kummenti li huma vleġeġ diretti lejn partitarji ta’ Adrian Delia. Kumment kien jgħid li, “nies madwar Dr Delia sfortunatament anke meta kienu kontra Dr Grech baqgħu jgħajru u jagħmlu l-ħsara.”
Persuna oħra kiteb li “m’għandniex naqgħu għall-provokazzjoni. Alex bl-għajnuna tagħna lkoll naslu. Qegħdin ma’ persuna intelligenti li jrid il-ġid lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Issa f’idejn it tesserati. L-elezzjoni tintrebaħ bil-voti tal-Maltin. Min kien hemm qabel m’għamel xejn. Għalhekk il-partit qiegħed fejn qiegħed. Nibqgħu magħqudin wara Alex”.
Kumment ieħor kien jgħid “għarukaża kampanja suppost tal-Partit…ħammġuha għal kollox”.
Ieħor irrimarka li, “kif qatt nistgħu nieħdu r-ruħ”.
Persuna oħra kkummentat li, “dak it-tgħajjir u botti lejn Alex ifisser li Alex huwa b’saħħtu u qiegħed fit-triq it-tajba għax kieku mhux qiegħed idejjaqhom kieku ma jagħtux kasu. Li huwa żgur hu li Alex ġibed is-simpatija fil-politika minn kull naħa ta’ Malta u Għawdex, kemm mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-Partit Laburista. B’hekk ma jifilħuhx għax persuna ta’ suċċess, żgħir fl-età imma kbir fl-intelliġenza u l-kariżma”.