Sunday, December 22, 2024

Sottomessi sitt offerti biex l-impjant tal-iskart f’ Marsaskala jinbidel f’park ekoloġiku

Aqra wkoll

Sitt offerti ġew sottomessi għall-ewwel stadju tax-xogħlijiet biex l-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant ’Antnin f’Marsaskala jinbidel f’ park ekoloġiku u rikreattiv.

L-evalwazzjoni tal-proposti diġà bdiet u l-offerent magħżul mistenni jitħabbar fix-xhur li ġejjin, biex b’ hekk ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet fuq l-akbar proġett ta’ tħaddir li qatt kellha WasteServ u li se jkopri medda ta’ art ta’ 24,000 metru kwadru.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca qal: “WasteServ tinsab impenjata biex twassal l-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart tal-pajjiż — dan huwa l-uniku mod kif nistgħu nnaqqsu l-iskart milli jmur fil-miżbliet biex nilħqu l-miri tal-UE, filwaqt li noħolqu spazju għal aktar proġetti ekoloġiċi li jiżguraw futur ambjentali aħjar għal uliedna.”

Ix-xogħlijiet għal dan l-ewwel stadju jkopru t-tħaffir ta’ parkeġġ ta’ tliet sulari, vaska kbira tal-ilma artifiċjali (lake), u l-bini ta’ tliet ġibjuni tal-ilma. Bħala parti mill-impenn ta’ WasteServ favur is-sostenibbiltà u l-ekonomija ċirkolari, l-materjal inert li se jiġi mħaffer minn dawn ix-xogħlijiet se jerġa’ jintuża fl-istess proġett. Se jsir ukoll ċint mal-perimetru li se jissepara dan il-park mill-madwar.

Dan qed jitħabbar jiem biss wara l-inawgurazzjoni ta’ Ġnien Fuq il-Glażiż fil-Birgu, fejn żona ta’ madwar 9,000 metru kwadru ġiet trasformata fi spazju rikreattiv.

WasteServ se tkun qed torganizza avveniment b’ħafna attivitajiet għall-familja kollha, għada s-Sibt, l-1 ta’ Ġunju, bejn l-4 u s-7 ta’ filgħaxija ġewwa Ġnien Fuq il-Glażiż.

Ekonomija

Sport