Monday, December 23, 2024

Sovranità fl-Unjoni Ewropea 

Intervista ma' Evarist Bartolo

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament Ewropew ivvota dwar li jinbidlu t-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Kif jolqtu lil Malta l-proposti tal-Parlament Ewropew?

Hemm diversi proposti fir-rapport tal-Parlament Ewropew biex issir konvenzjoni u jiġu diskussi bidliet fit-trattati tal-Unjoni Ewropea. Jien se niffoka biss fuq il-proposta li iktar deċiżjonijiet importanti jibdew jittieħdu b’maġġoranza kkwalifikata u mhux b’mod unanimu fejn il-pajjiżi kollha jridu jaqblu biex jgħaddu ċerti liġijiet li jolqtu mill-qrib il-ħajja tal-poplu.

Flimkien mal-maġġoranza ta’ pajjiżi oħra membri għandna nkunu kontra li l-pajjiżi tonqsilhom iżjed is-saħħa li jinfluwenzaw deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea li jorbtu lil kull stat membru u jolqtu l-għajxien tal-poplu tagħna.

Għaliex hemm min irid inaqqas is-sehem tal-pajjiżi ż-żgħar fid-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea?

Dawk li jridu l-Istati Uniti tal-Ewropea, speċi ta’ Repubblika Federali Ewropea jemmnu li għandu jonqos is-sehem tal-gvernijiet nazzjonali f’iżjed deċiżjonijiet Ewropej biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet iżjed malajr bla ma jkollha l-qbil tal-pajjiżi kollha.

Il-pajjiżi l-kbar ma jridux li l-pajjiżi ż-żgħar jibqa’ jkollhom saħħa daqshom fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Għandna nkunu kontra li tiddgħajjef is-sovranità tagħna f’xi tibdil tat-trattati fl-Unjoni Ewropea.

Għandna nkunu kontra li nitilfu dak li ksibna bħala repubblika indipendenti u newtrali mingħajr bażijiet barranin militari.

Għandna nkunu kontra l-proposta li għaddiet nhar l-Erbgħa mill-Parlament Ewropew li biha l-istati membri jitilfu iżjed influwenza fl-Unjoni Ewropea u jiddeċiedu għalihom iżjed il-pajjiżi l-kbar fl-Unjoni Ewropea minn Brussell.

Il-proposti jneħħu l-unanimità li hemm bżonn s’issa f’oqsma importanti biex minflok deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata fejn il-pajjiżi l-kbar ikollhom iżjed piż milli diġà għandhom. 

Pajjiżi bħal tagħna għandhom x’jitilfu bit-tneħħija tal-unanimità għax ma tibqax Unjoni Ewropea ta’ stati ugwali.

X’jaħsbu pajjiżi oħra dwar din il-bidla? Taħseb li Malta għandha tkun kontra għax hi l-iċken pajjiż fl-Unjoni Ewropea u għandha l-iżjed x’titlef?

Il-maġġoranza kbira tal-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea għandhom x’jitilfu. Dan jurih il-vot li ttieħed nhar l-Erbgħa u l-proposta għaddiet bi ftit. Fil-Parlament Ewropew 291 vvutaw favur, 274 ivvutaw kontra u 44 astjenew. Kien hemm membri li vvutaw differenti mill-grupp politiku tagħhom u vvutaw skont l-interessi nazzjonali ta’ pajjiżhom u mhux skont kif staq il-grupp politiku li huma fih. Biżżejjed nieħdu l-Partit Popolari Ewropew (PPE). Il-Pollakki fih ivvutaw kontra l-proposta waqt li l-PPE kien favur il-proposta. Qabel ittieħed il-vot, anki xi ħadd bħal Donald Tusk, li se jkun il-Prim Ministru tal-Polonja u li serva bħala President tal-Kunsill Ewropew u żgur ma tistax takkużah li huwa kontra l-Unjoni Ewropea, qal li l-membri tiegħu fil-Parlament Ewropew se jivvutaw kontra l-proposti biex l-istati tonqsilhom is-saħħa fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Tusk qal: “L-Unjoni Ewropea għandha bżonn issewwi ħafna nuqqasijiet li għandha.”

Wissa li jkun metodu stupidu ħafna li dawn il-ħsarat jissewwew b’xi Ewroentużjażmu li kien wieħed mir-raġunijiet li wassal għal Brexit, biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea,

Minn 27 stat membru hemm 15 li għandhom popolazzjoni b’inqas minn 10 miljuni. Dawn jitqiesu żgħar u medji. Kollha għandhom x’jitilfu jekk jiddgħajjef is-sehem tagħhom fid-deċiżjonijiet għax ma tibqax il-ħtieġa tal-unanimità. Żgur mhux se nkunu waħedna li nirreżistu bidla bħal din.

Kif jintlaqat pajjiżna jekk tidħol proposta bħal din?

Nintlaqtu f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajxien tagħna u għalhekk għandna nharsu l-gid u l-interessi tal-poplu tagħna biex xħin jitfasslu l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jieħdu ħsieb ukoll l-interessi tagħna, inkella jsiru mhux biss mingħajrna iżda kontra tagħna.

Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, il-vot kien favur, għalkemm mhux b’ħafna, bil-wegħda li l-Unjoni Ewropea tkun għaqda tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri u mhux tkun għaqda federali fejn jgħibu l-istati membri u kollox isir għaqda waħda.

Għandna naħdmu ma’ pajjiżi oħra li ma jridux tonqsilhom is-saħħa li għandhom.

Dawn il-bidliet li jiddgħajfu l-istati membri jghaddu biss bil-vot tal-pajjiżi kollha. Liema stati se jivvotaw biex jiddgħajfu u jagħmlu suwiċidju?

F’Unjoni Ewropea fejn nitilfu l-vot biex niddeċiedu dwar affarijiet essenzjali għall-poplu tagħna, nerġgħu nsiru kolonja fit-tarf tal-Ewropa taħt Sqallija bħal kif konna qabel ma l-Imperatur Karlu V għaddiena lill-Ordni tal-Kavallieri fl-1530.

Irridu nmorru lura 500 sena?

Ekonomija

Sport