Saturday, December 21, 2024

SPALLA OĦRA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ BIEX JILĦQU L-GĦANIJIET TAGĦHOM

Aqra wkoll

Mit-Tnejn li għadda, l-Awtorità tad-Djar bdiet tilqa’ applikazzjonijiet biex dawk li xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom matul is-sena li għaddiet u li għaliha ħadu self mill-bank, jibdew jibbenefikaw minn għotja ġdida ta’ €1,000 kull sena fuq medda ta’ 10 snin. 

Din l-għotja, li kienet ukoll wegħda ewlenija fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, qiegħda titwettaq f’inqas minn sena miunn meta tħabbret l-ewwel darba. Barra minn hekk, dan il-benefiċċju jingħaqad ukoll ma’ kullana ta’ miżuri oħra li diġà twettqu biex ikunu ta’ sostenn meħtieġ lill-first time buyers.

Uħud minn dawn tal-aħħar huma maħsuba għal ħafna bħat-tneħħija tat-taxxa tal-boll għal dawk li xtraw l-ewwel proprjetà, u oħrajn għal dawk f’ċirkostanzi partikolari bħall-iskemi Equity Sharing u New Hope. 

Għalhekk għandna għax nifhmu li b’din l-għotja ġdida kif imħabbra mill-Prim Ministru se tkompli tgħin aktar lil koppji żgħażagħ sabiex iwettqu l-ħolma tagħhom li jkunu huma wkoll sidien ta’ darhom. 

Filwaqt li ninsabu konxji tar-realtajiet ġodda li qed ifeġġu minn żmien għal żmien, nifhmu illi l-ewwel ftit snin xejn ma jkunu faċli għal dawk li jkunu jridu jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Dan minħabba li jinqalgħu spejjeż oħra lil hinn mill-prezz tal-proprjetà u għalhekk ikollhom bżonn dik l-imbuttatura ċkejkna biex ikunu jistgħu jwettqu dan il-pass importanti f’ħajjithom. Nemmnu li dawn iċ-ċirkustanzi kienu li wasslu lill-Gvern biex jintervjeni sabiex jgħinhom fl-ewwel pagamenti tagħhom. 

Hawn ninnutaw b’sodisfazzjon li mal-ftuħ tal-applikazzjonijiet it-Tnejn li għadda, bosta kienu dawk li kkonkorrew biex jibbenefikaw minn din l-għotja ġdida. Dan juri l-interess li kien hemm f’din il-miżura, fejn huwa stmat li fl-ewwel sena mit-tħaddim tagħha se jkun hemm mat-3,000 first time buyer li se jkunu qed jibbenefikaw minnha. 

Din l-għotja mhux se tkun soġġetta għal test tal-mezzi u l-Awtorità tad-Djar se tkun qed toħroġ il-pagamenti annwali fix-xahar ta’ Ġunju, permezz ta’ bank transfer direttament fil-kont tal-applikant, jekk huwa benefiċjarju waħdu, jew fil-kont konġunt fil-każ li l-applikanti jkunu koppja.

Il-prinċipju wara dan kollu huwa mnissel mill-ħaqq soċjali u jibqa’ dak li f’dan il-pajjiż kulħadd ikollu l-għajnuna u l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tiegħu biex ikun jista’ jasal fejn jixtieq. Turija ta’ kemm dan il-Gvern huwa verament gvern għan-nies.

Ekonomija

Sport