Sunday, December 22, 2024

Spalletti dwar il-players żgħażagħ u s-Super League Ewropew

Aqra wkoll

Il-coach nazzjonali Taljan, Luciano Spalletti, semma’ tmien players emerġenti li lesti biex jidħlu fl-iskwadra nazzjonali waqt li kkritika l-pjani tas-Super League Ewropew meta qal: “Qed nitilfu l-istagħġib li naraw lil David jegħleb lil Gulija.”

Spalletti ta l-ewwel intervista tiegħu tal-2024 lill-istazzjoni televiżiv nazzjonali, RAI 2, fejn anke spjega l-pjani tiegħu għall-futur tal-Italja fis-sena tal-Kampjonat Ewropew.

“Id-dmir tiegħi huwa li nħares, nosserva u nsib dak kollu li jista’ jġiegħel lin-nies jiċċe­lebraw,” huwa qal.

“Ħarġu players bħal Kayode, Ranieri, Koleosho u Casadei. Ilna nissorveljawhom għal xi żmien. Bove huwa ċertezza u dan l-aħħar għoġbitni l-imġieba ta’ Lucca. Imbagħad Prati u Calafiori. Dan tal-aħħar huwa ċertezza fin-nofs tad-difiża u fuq ix-xellug u lest għat-team nazzjonali.”

Calafiori, prodott tal-akkademja ta’ Roma, ingħaqad ma’ Bologna mingħand Basel fis- sajf li għadda u għamel 17-il dehra fil-kompetizzjonijiet kollha dan l-istaġun taħt Thiago Motta.

“Il-kwalifika għall-Euro 2024 hija bħal vuċi li titla’ minn qiegħ il-ħofra li konna waqajna fiha, li tgħajjat lid-dinja li aħna wkoll qegħdin hawn u aħna ħajjin aktar minn qatt qabel,” kompla jgħid Spalletti.

“Dan jippermettilna mmorru l-Ġermanja biex niddefendu t-titlu li rbaħna fl-2021, iżda għad fadal ħafna xogħol xi jsir.”

L-2023 ta’ Spalletti żgur li kienet indimentikabbli hekk kif rebaħ l-ewwel titlu tiegħu tas-Serie A bħala coach, meta wassal lil Napoli għal Scudetto tant mistenni, l-ewwel wieħed tagħhom fi 33 sena. Huwa nħatar bħala l-coach tal-Italja fejn ħa post Roberto Mancini ftit xhur biss wara t-trijonf tiegħu fi Stadio Maradona.

Allura, x’inhi d-differenza bejn is-sid ta’ Napoli, Aurelio De Laurentiis u l-president tal-FIGC, Gabriele Gravina?

“Huma qishom il-lejl u n-nhar. Wieħed huwa negozjant u l-ieħor raġel tal-football,” wieġeb Spalletti.

“Naturalment, għandhom approċċi diffe­renti, iżda qed jagħmlu affarijiet importanti għall-football tagħna. L-iktar li jogħġobni hu li Gravina mill-ewwel poġġini trankwill, juri r-rispett tiegħu u poġġa liż-żgħażagħ u l-valuri tal-football Taljan fil-qalba.”

Riċentement l-FIGC ikkonfermat l-oppożizzjoni tagħha għas-Super League u Spalletti jappoġġja l-pożizzjoni tal-federazzjoni.

“Huwa l-frott tad-dinja fejn qed nitilfu l-istagħġib li naraw lil David jegħleb lil Gulija,” qal il-coach tal-Azzurri.

“Qed nitilfu r-riħa u t-togħmiet sbieħ tal-passat. Dawk tat-tradizzjoni u nies jiċ­ċelebraw madwar bandiera. Qisu l-għada jinkiteb biss minn dawk li għandhom il-poter. Xi ħadd irid jimponi liema wieħed hu l-uniku football ta’ min jarah. Ma fehmux li n-nies se jkomplu jagħżlu l-football li huma l-aktar passjonati għalih sakemm ikun hemm ballun u spazju biżżejjed għal żewġ lasti.”

Ekonomija

Sport