Spanja kisbu post fil-finali tal-UEFA Nations League, meta b’mod drammatiku għelbu lill-Italja bl-iskor ta’ 2-1.
Kien Yeremy Pino (3) li fetaħ l-iskor għall-Ispanjoli. Iżda t-Taljani ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjini mill-aqwa u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Ciro Immobile (11) minn penalty.
Spanja skorjaw il-goal tar-rebħa fit-88 minuta permezz ta’ Joselu.
Kienet partita li setgħet tmur kull naħa, biż-żewġ timijiet ikollhom iċ-ċansijiet tagħhom tul id-90 minuta.
Din kienet l-40 partita bejn dawn iż-żewġ timijiet, bi Spanja jirbħu 13-il partita kuntrarju għal 11 tal-Italja waqt li s-16-il partita l-oħra intemmew fi draw.
Din ikoll kienet it-tieni darba li Spanja waslu għall-finali ta’ din il-kompetizzjoni fejn se jkunu qed ifittxu li jpattu għad-diżappunt tas-sena li għaddiet meta fil-finali sfaw megħluba minn Franza bl-iskor ta’ 2-1, u jirbħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba.
Spanja jaffrontaw lill-Kroazja nhar il-Ħadd fil-finali, waqt li l-Italja jilagħbu l-play-off għat-tielet post ukoll il-Ħadd, iżda din id-darba kontra l-Olanda.
Il-partita ntlagħbet fid-de Grolsche Veste Stadium f’Enschede, l-Olanda, u kienet ikkontrollata mir-referee mis-Slovenja, Slavko Vincic.