Spanja … 1
Ingilterra … 0
Fi spettaklu ta’ futbol u f’finali mill-isbaħ li ntlagħbet quddiem attendenza ta’ madwar 75,000 persuna, Spanja għelbu lill-Ingilterra bl-iskor minimu ta’ 1-0, biex b’hekk rebħu t-Tazza tad-Dinja tan-Nisa għall-ewwel darba fl-istorja.
Qabel din il-finali, iż-żewġ timijiet kienu ltaqgħu 16-il darba, bl-Ingilterra jirbħu seba’ partiti, Spanja jirbħu tlieta u sitt partiti ntemmu f’riżultat ta’ draw.
Spanja kienu indubbjament l-aħjar team tul id-90 minuta, fejn kienu tattikament ferm dixxiplinati u organizzati. Min-naħa l-oħra wara l-wirjiet mil-aqwa li taw fil-logħob ta’ qabel wieħed stenna iktar mill-Ingliżi li dehru traskurati f’xi dipartimenti tal-ground f’waqtiet fil-loghba.
Spanja fetħu l-iskor permezz ta’ Olga Carmona fid-29 minuta, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa għalihom.
Fit-tieni taqsima huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fit-68 minuta rebħu penalty, meta Keira Walsh misset il-ballun b’idha fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru nkarigat ruħha Jennifer Hermoso, li kellha x-xutt fil-baxx tagħha salvat bi bravura minn mal-art mill-goalkeeper tal-Ingliżi u ta’ Man Utd, Mary Earps, liema save kien l-ewwel wieħed għaliha minn penalty mal-Ingliżi, jekk wieħed jeskludi dawk minn penalty shoot-out.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Spanja: 23-Catalina Coll, 2-Ona Battle, 4-Irene Paredes, 14-Laia Codina (5-Ivana Andres 73), 19-Olga Carmona, 6-Aitana Bonmati, 3-Teresa Abelleira, 10-Jennifer Hermoso, 17-Alba Redondo (12-Oihana Hernandez 60), 18-Salma Paralluelo, 8-Mariona Caldentey (11-Alexia Putellas 90) Coach: Jorge Vilda
Ingilterra: 1-Mary Earps, 16-Jess Carter, 6-Millie Bright, 5-Alex Greenwood, 2-Lucy Bronze, 8-Georgia Stanway, 4-Keira Walsh, 9-Rachel Daly (18-Chloe Kelly 46), 10-Ella Toone (19-Bethany England 87), 23-Alessia Russo (7-Lauren James 46), 11-Lauren Hemp Coach: Sarina Wiegman
Referee: Tori Penso (Amerika)
Ass. Referees: Brooje Mayo, Kathryn Nesbitt (Amerika)
Raba’ Uffiċjal: Yoshimi Yamashita (Ġappun)
Skorers: O. Carmona 29 (S)
Ammoniti: L. Hemp (I), S. Paralluelo (S)