Monday, December 23, 2024

Spanja jsiru t-tieni team li rebaħ it-tliet unuri

Aqra wkoll

Spanja saru t-tieni pajjiż Ewropew li għaqqad is-sett tal-aqwa tliet unuri internazzjonali li huma t-Tazza tad-Dinja, il- Kampjonat Ewropew u n-Nations League bl- ewwel li għamlu din il-bravura jkunu Franza bl-Ispanjoli jirbħu l-unuri kollha tagħhom, minbarra wieħed, f’dan il-Millennju.

L-unuri li rebħu Spanja waslu hekk: Tazza tad-Dinja (2010), Kampjonat Ewropew (1964, 2008, 2012), Nations League (2023).

Dawk ta’ Franza rebħuhom hekk: Tazza tad-Dinja (1998, 2018), Kampjonat Ewropew (1984, 2000), Nations League (2021).

L-Arġentin Julian Alvarez rebaħ erba’ unuri dan l-istaġun. Iżda nhar il-Ħadd ingħaqdu miegħu żewġ kollegi tiegħu ta’ Manchester City li għamlu bħalu għalkemm l-akbar mertu jieħdu hu li għandu nkluża t-Tazza tad-Dinja waqt li Rodrigo Hernandez magħruf bħala Rodri, u Aymeric Laporte rebħu n-Nations League li bla dublju huwa unur ta’ inqas prestiġju mill-Mondjali.

X’qalu ż-żewġ coaches wara l-logħba:

Luis de la Fuente (coach ta’ Spanja): “Lejliet il-logħba ħdimna fuq il-penalties u fuq l-oqsma kollha li stajna nikkontrollaw. Konna rilassati u l-penalties kienu parti minn dan. Carvajal skorja tiegħu tajjeb ħafna – għandu personalità kbira. Irridu nżommu f’moħħna li l-aqwa 16-il team fl-Ewropa kienu nvoluti u l-aħjar erbgħa kienu fis-semi-finali. Li tasal sal-finali hija kisba kbira. Aħna ħaqqna kreditu. Lgħabna kontra team mill-aqwa li għandu esperjenza u spiċċaw fit-tielet post fit-Tazza tad-Dinja, u għalhekk hija ħaġa kbira.

“Ninsab kuntent ħafna għall-players għax għamlu xogħol brillanti u taw il-penalties b’mod stupend.

“Il-pjan tagħna kien li nikkontrollaw il-logħba u nnaqqsu l-qawwa ta’ super-team bħall-Kroazja. Huma għamlu sforz tal-għaġeb. Ix-xogħol enormi tal-Kroazja kien imbattibbli, iżda konna nafu nikkompetu u kkompetejna sal-aħħar mument. Dak kien il-pjan għax konna nafu kemm din il-finali kienet se tkun missielta.”

Zlatko Dalic (coach tal-Kroazja): “L-ew­welnett, nifraħ lil Spanja u lill-players tagħna għal-logħba mill-aqwa. Grazzi lill-partitarji li tawna appoġġ kbir. Tlifna – li hija ħasra – iżda rridu nkunu kburin. Għamilniha għall-finali iżda ma rbaħniex. Ġieli tirbaħ, ġieli titlef. Erġajna ġrejna għal 120 minuta. Konna kwalità, ikkompetejna magħhom. M’għandi xejn x’jiddispjaċini.

“Irbaħna midalji – waħda wara l-oħra, tlieta fl-istorja tagħna – u hija ħaġa kbira li ksibna. Illejla wriet li nistgħu nagħmlu ħafna u nikkompetu mal-aqwa timijiet tad-dinja.”

Ekonomija

Sport