Saturday, December 21, 2024

Spanja tikkunsidra tlett ijiem leave għan-nisa b’uġigħ qawwi tal-period

Aqra wkoll

Aħbar li żgur se tkun milqugħa bi pjaċir mill-ħaddiema nisa Spanjoli u ta’ għira għaċ-ċittadini fil-pajjiżi l-oħra hija dik li ħarġet minn Spanja fejn il-gvern lokali mistenni japprova miżuri li jħarsu s-saħħa riproduttiva tal-mara. Spanja se tkun l-ewwel pajjiż tal-Punent b’miżuri li jinkludu tlett ijiem leave għall-ħaddiema nisa li jbatu b’uġigħ qawwi tal-period u tqassim ta’ affarijiet sanitarji relatati fl-iskejjel għall-istudenti li jkollhom bżonnhom.

Fuq l-istazzjon tar-radju ewlieni Spanjol “Cadena SER”, il-Gvern Spanjol ħabbar li fil-kabinett li jmiss ta’ nhar it-Tlieta, se japprova dawn il-miżuri l-ġodda. Qal ukoll li għandu pjanijiet li dawk fl-etajiet ta’ bejn is-16 u s-17-il sena, ikollhom aċċess għas-servizzi tal-abort mingħajr il-ħtieġa li jitolbu permess mill-ġenituri.

Din l-aħbar ġdida ħarġet wara li s-Segretarju tal-Istat għall-Ugwaljanza u Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru ta’ Spanja, Angela Rodriguez, f’Marzu li għadda ħabbret miżuri ġodda li jiggranantixxu saħħa menstruwali u żmien ta’ rkupru riproduttiv. Dan tal-aħħar jinkludi wkoll sick leave għal nisa li għamlu abort.

Il-Gvern Spanjol ħabbar ukoll li l-prodotti sanitarji (pads u tamponi) li jinbiegħu fil-ħwienet se jkunu bla taxxa mentri, nisa vulnerabbli f’ċirkostanzi soċjali diffiċli se jingħataw dan il-prodotti kompletament bla ħlas.

F’intervista ma’ “El Periodico” Rodriguez qalet li f’pajjizha d-drittijiet relatati mas-saħħa menstruwali qatt ma ġew diskussi u minn figuri li għandhom, jidher fiċ-ċar li hemm problemi serji. “Waħda minn kull erba’ nisa ma tistax tagħżel il-prodotti tal-iġene femminili li tixtieq minħabba li għandha limitazzjonijiet finanzjarji. Huwa għal dan il-għan li dawn il-prodotti se jibdew jitqassmu b’xejn fl-istituzzjonijiet edukattivi u fiċ-ċentri soċjali,” kompliet Rodriguez.

Hija kkjarifikat xi jridu jfissru b’uġigħ tal-period fejn mhuwiex il-każ li jittieħed sick leave jekk is-sintomi huma ta’ natura ħafifa. “Iżda, jekk ħaddiema tkun qiegħda tbati minn sintomi serji bħalma huma d-diarrhoea, uġigħ qawwi ta’ ras u deni,  din tkun eliġibbli għal tlett ijiem leave”.

Is-Segretarju tal-Istat għall-Ugwaljanza u Kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru ta’ Spanjola fi tmiem l-intervent tagħha sostniet li f’każi fejn hemm sintomi ta’ marda u diżabbiltà temporanja, dawk milquta jingħataw is-sick leave. Għaldaqstant, “l-istess għandu japplika għal dawk il-ħaddiema nisa li jsofru minn uġigħ qawwi tul il-period,” temmet Angela Rodriguez.

Ekonomija

Sport