Il-Gvern Spanjol approva leave mħallas b’rabta mal-klima sa erbat ijiem biex il-ħaddiema jevitaw milli jmorru minn post għall-ieħor waqt li fil-pajjiż ikun hemm emerġenza relatata mat-temp. Dan tħabbar proprju xahar wara l-għargħar fatali f’dan il-pajjiż li fih mietu minn tal-inqas 224 persuna.
Diversi kumpaniji sfaw fil-mira ta’ kritika qawwija wara dak li seħħ fid-29 ta’ Ottubru. Skont ma ġie rrapportat, dawn il-kumpaniji kienu ordnaw lill-impjegati biex jibqgħu jaħdmu u dan minkejja d-diversi twissijiet li kienu nħarġu mill-aġenzija nazzjonali tat-temp. Min-naħa tagħhom, diversi kumpaniji lmentaw li l-awtoritajiet kienu naqsu milli jinfurmawhom biżżejjed filwaqt li t-twissijiet inħarġu tard wisq.
F’kumment li ta lill-midja Spanjola, il-Ministru tax-Xogħol Yolanda Díaz qalet li l-miżura l-ġdida li ġiet introdotta mill-Gvern għandha l-għan li tirregola “skont l-emerġenza tal-klima” u sabiex ma jkun hemm l-ebda riskju fuq il-ħaddiema. Qalet li minn issa ‘l quddiem f’każ li l-awtoritajiet joħorġu twissijiet ta’ din ix-xorta, il-ħaddiema jistgħu jirrifjutaw milli jmorru għax-xogħol.