Friday, December 27, 2024

Spanja tqis lil Malta bħala mudell fid-drittijiet LGBTIQ+

Aqra wkoll

EuroPride Valletta 2023 u l-qasam tad-drittijiet LGBTIQ+ kienu fuq nett tal-aġenda ta’ laqgħa bilaterali li s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg kellha f’Madrid mal-Ministru Spanjola għall-Ugwaljanza Irene Montero.

Rebecca Buttigieg esprimiet l-entużjażmu tal-Gvern Malti li għada, s-Sibt, se jkun preżenti għal Pride March ta’ Madrid, li hija fost l-ikbar manifestazzjonijiet fid-dinja. Din se tkun opportunità oħra biex Malta tiċċelebra l-kisbiet tal-komunità fi bliet ewlenin kif ukoll tippromwovi l-EuroPride Valletta 2023 li se ssir għall-ewwel darba f’pajjiżna bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru.

“F’Settembru li ġej bi ħsiebna nagħtu importanza kbira lill-ħidma favur l-inklussività u d-diversità fir-reġjun tal-Mediterran li Malta u Spanja jagħmlu parti importanti minnu,” qalet is-segretarju parlamentari.

Tkellmet ukoll dwar it-tnedija tat-tielet strateġija nazzjonali dwar id-drittijiet LGBTIQ+, li tinkludi inizjattivi mmirati lejn aktar ugwaljanza, b’emfasi fuq l-edukazzjoni biex tiżdied il-kuxjenza u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-mibgħeda.

Il-Ministru Spanjola, li ilha fil-kariga minn Jannar 2020, uriet l-ammirazzjoni tagħha lejn il-progress li wettqet Malta fi ftit snin. Filwaqt li rrikonoxiet lil Malta bħala mudell fid-drittijiet LGBTIQ+, Montero qalet li Spanja addottat il-leġiżlazzjoni kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni wara li ispirat ruħha mill-aqwa prattiċi li introduċiet Malta.

Il-Ministru Montero saħqet fuq il-ħsieb tagħha li tikkollabora ma’ Malta biex ikunu esplorati mezzi kif jista’ jitjieb ir-rikonoxximent tal-ġeneru fi Spanja.

Ekonomija

Sport