Tuesday, February 24, 2026

Spanja u Malta: “Fabbriki tal-Faqar” jew Ekonomiji Reżiljenti? X’jgħidu ċ-ċifri Uffiċjali tal-KE

- Jikteb Mario Fava

Aqra wkoll

Fid-dibattitu politiku Ewropew spiss nisimgħu kliem qawwi ta’ allegazzjonijiet li jolqtu l-immaġinazzjoni tal-ftit. Fost dawn, dan l-aħħar smajna l-espressjoni “poverty factory” – fabbrika tal-faqar: intużat biex tiddeskrivi pajjiżi bħal Spanja u Malta f’din il-kategorija. Iżda x’jgħidu ċ-ċifri uffiċjali? Il-previżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (Autumn 2025 Economic Forecast) jagħtu stampa ferm aktar sfumata, u f’ħafna aspetti, pożittiva.

Dan l-artiklu janalizza fil-fond il-previżjonijiet ekonomiċi għaż-żewġ pajjiżi għall-perjodu 2025–2027 u jwieġeb b’mod serju u ibbażat fuq data jekk huwiex ġust li dawn l-ekonomiji jiġu deskritti bħala “fabbriki tal-faqar”.

Il-Messaġġ Politiku u r-Responsabbiltà Nazzjonali

F’dawn l-aħħar jiem, waqt żjara f’pajjiżna fuq stedina tal-Partit Nazzjonalista, il-politika Spanjola Dolors Montserrat iddeskriviet lil Spanja u lil Malta bħala “poverty factories” – fabbriki tal-faqar. Din l-istqarrija saret quddiem udjenza li fiha kien hemm delegati u nies oħra li fosthom kien hemm min donnu ħa pjaċir b’ dan il-kliem.

F’demokrazija matura, kull opinjoni tista’ tiġi espressa. Iżda meta barrani jiġi f’pajjiżna u juża lingwaġġ daqshekk qawwi u negattiv dwar l-ekonomija tagħna, u dan ikun milqugħ b’applaws minn partit li jaspira li jmexxi l-pajjiż, wieħed għandu d-dmir li jwieġeb bil-fatti.

U l-fatti jinsabu ċari fil-previżjonijiet uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.

Huwa tajjeb u pożittiv li partit politiku jorganizza konvenzjonijiet u jiddiskuti mas-soċjetà ċivili. Id-djalogu huwa parti essenzjali mid-demokrazija. F’dan is-sens, huwa ġust li jingħad li l-Partit Nazzjonalista għamel sew li sejjaħ konvenzjoni u fetaħ spazju għal diskussjoni għax dak huwa d-dover tal-Oppożizzjoni: li tara’ li toffri u tkun Oppożizzjoni kostruttiva.

Iżda hemm differenza kbira bejn diskussjoni kritika u l-aċċettazzjoni ta’ narrattiva falza li tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Meta politiku barrani jiġi Malta u jiddikjara li pajjiżna huwa “poverty factory”, u delegati ta’ partit li jaspira li jkun fil-gvern iqumu jċapċpu għal dan il-kliem, il-messaġġ li jintbagħat huwa wieħed negattiv ħafna.

Partit li jrid imexxi pajjiż għandu jkun l-ewwel wieħed li jiddefendi r-reputazzjoni ekonomika tiegħu fuq livell Ewropew u internazzjonali. Il-kritika interna hija leġittima. Iżda li tħalli barranin jużaw pjattaforma f’pajjiżna biex jiddeskrivuna bħala “fabbrika tal-faqar”, meta ċ-ċifri uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea jgħidu l-oppost, ma tistax tiġi aċċettata.

Bejn il-kliem u l-fatti – Spanja

Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija Spanjola mistennija tikber b’2.9% fl-2025, qabel ma tnaqqas il-pass għal 2.3% fl-2026 u 2.0% fl-2027. Dawn ir-rati huma ogħla mill-medja taż-żona ewro u jpoġġu lil Spanja fost l-aktar ekonomiji kbar li qed juru reżiljenza fl-Unjoni Ewropea.

Tkabbir imsostni mid-domanda interna

Il-mutur ewlieni tat-tkabbir hu d-domanda domestika, speċjalment:

• Konsum privat imsaħħaħ minn żieda fid-dħul reali

• Investiment sostnut mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza

• Suq tax-xogħol dinamiku

Filwaqt li l-esportazzjonijiet netti mistennija jkollhom impatt kemxejn negattiv fl-2025 u 2026, dan hu marbut ma’ tkabbir aktar dgħajjef f’xi swieq esterni, mhux ma’ dgħufija strutturali interna.

Qgħad li qed jonqos

Ir-rata tal-qgħad mistennija tinżel minn 10.4% fl-2025 għal 9.6% fl-2027. Għalkemm għadha ogħla minn pajjiżi oħra, dan jirrappreżenta l-inqas livell f’aktar minn għaxar snin. Dan juri li s-suq tax-xogħol qed jassorbi aktar nies, anke f’kuntest ta’ migrazzjoni interna u esterna qawwija.

Inflazzjoni taħt kontroll

L-inflazzjoni mistennija tonqos għal 2.0% sal-2026–2027, allinjata mal-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dan ifisser li l-pressjoni fuq il-familji qed tonqos, u li ż-żieda fil-pagi nominali qed twassal għal żidiet fid-dħul reali, anke jekk b’ritmu aktar moderat fis-snin li ġejjin.

Defiċit u dejn: Direzzjoni ’l isfel

Id-defiċit tal-gvern Spanjol mistenni jonqos għal 2.1% tal-GDP sal-2026–2027, filwaqt li d-dejn pubbliku mistenni jinżel taħt il-100% tal-GDP għall-ewwel darba mill-2019. Din hija indikazzjoni ċara ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali iżda sostenibbli.

F’dan il-kuntest, wieħed irid jistaqsi: ekonomija li qed tikber qrib it-3%, b’qgħad li qed jonqos u dejn li qed jitnaqqas, tista’ verament titqies bħala “fabbrika tal-faqar”?

Malta: Tkabbir fost l-ogħla fl-UE u qgħad baxx storiku

Il-previżjoni għall-Malta hija saħansitra aktar robusta. Il-GDP mistenni jikber b’4.0% fl-2025, u jibqa’ b’saħħtu b’3.8% fl-2026 u 3.5% fl-2027. Dawn huma rati ferm ogħla mill-medja Ewropea.

Konsum, turiżmu u servizzi

It-tkabbir Malti hu mmexxi minn:

• Konsum privat sostnut minn żieda fid-dħul

• Investiment qawwi, speċjalment fl-2025

• Turizmu li qed jespandi anke fix-xhur barra l-istaġun tas-sajf

• Servizzi finanzjarji, professjonali, IT u gaming

Qgħad fost l-inqas fl-Ewropa

Ir-rata tal-qgħad mistennija tibqa’ stabbli madwar 2.9%, waħda mill-inqas fl-UE. Dan hu indikatur ċar ta’ suq tax-xogħol strett, fejn il-problema ewlenija mhix in-nuqqas ta’ xogħol, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema.

Inflazzjoni u pagi

L-inflazzjoni mistennija tonqos għal 2.0% sal-2027, filwaqt li l-pagi nominali qed jibqgħu jaqbżu l-inflazzjoni, anke jekk b’ritmu aktar moderat. Dan jindika li, fil-medja, id-dħul reali tal-ħaddiema qed jiżdied.

Finanzi Pubbliċi: Tnaqqis gradwali tad-defiċit

Id-defiċit mistenni jinżel minn 3.2% tal-GDP fl-2025 għal 2.6% fl-2027, filwaqt li d-dejn pubbliku jibqa’ stabbli madwar 47% tal-GDP, livell baxx meta mqabbel ma’ ħafna pajjiżi oħra taż-żona ewro.

X’jirriflettu dawn iċ-ċifri?

Naturalment, previżjoni ekonomika ma tfissirx li m’hemmx sfidi. Spanja għadha tiffaċċja qgħad relattivament għoli u dipendenza fuq domanda interna. Malta qed tħabbat wiċċha ma’ nuqqas ta’ ħaddiema u pressjoni fuq infrastruttura u kapaċità.

Madankollu, il-kwistjoni fundamentali hi oħra: il-previżjonijiet juru ekonomiji li qed jespandu, li qed joħolqu impjiegi, li qed inaqqsu d-defiċit u jżommu l-inflazzjoni taħt kontroll.

Il-kelma “poverty factory” timplika:

• Tkabbir baxx jew negattiv

• Qgħad għoli u li qed jiżdied

• Defiċit u dejn barra kontroll

• Tnaqqis fil-poter ta’ xiri tal-familji

Iżda d-data uffiċjali turi l-oppost: tkabbir robust, qgħad baxx (speċjalment f’Malta), inflazzjoni li qed tonqos, u konsolidazzjoni fiskali gradwali.

Id-dibattitu politiku u r-responsabbiltà

F’kontest politiku, huwa leġittimu li jkun hemm kritika u diskussjoni dwar il-kwalità tat-tkabbir, id-distribuzzjoni tal-ġid, jew il-ħtieġa ta’ riformi strutturali. Iżda l-kritika trid tkun ibbażata fuq fatti.

Meta istituzzjoni indipendenti u kredibbli bħall-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi li pajjiż qed juri reżiljenza u konsolidazzjoni fiskali, huwa diffiċli li dan jiġi rikonċiljat ma’ narrazzjoni ta’ “fabbrika tal-faqar”.

Dan ma jfissirx li m’hemmx nies li qed iħossu pressjoni mill-għoli tal-ħajja jew mill-ispejjeż tad-djar u housing. Iżda ekonomija li tikber b’4% (Malta) jew qrib it-3% (Spanja), b’qgħad baxx u dejn li qed jonqos, ma taqbilx mad-definizzjoni ta’ ekonomija li qed tipproduċi faqar sistematikament.

Konklużjoni: Reżiljenza f’ambjent globali diffiċli

Il-previżżjonijiet tal-Kummissjoni  juri li kemm Spanja kif ukoll Malta qed jinnavigaw ambjent globali diffiċli, b’kunflitti, tensjonijiet kummerċjali u inċertezza, b’mod relattivament pożittiv.

Spanja qed turi konsolidazzjoni fiskali u tkabbir sostenibbli, filwaqt li Malta qed iżżomm wieħed mill-ogħla rati ta’ tkabbir u l-inqas qgħad fl-UE.

Dan ma jfissirx li m’hemmx lok għal titjib jew għal riformi aktar profondi. Iżda jfisser li d-diskors pubbliku għandu jkun ibbażat fuq evidenza u mhux fuq slogans.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatti huma ċari: iż-żewġ ekonomiji qed juru stabbiltà, tkabbir u reżiljenza. U f’dinja mimlija inċertezza, dawn huma indikaturi li juru direzzjoni pożittiva, mhux “fabbrika tal-faqar”, iżda ekonomiji li qed jikkonsolidaw u jsaħħu l-fundamenti tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport