Friday, December 13, 2024

Spanjola ta’ 31 sena tintlaqat darbtejn mill-Covid-19 f’temp ta’ 20 ġurnata

Aqra wkoll

Spanjola ta’ 31 sena li taħdem fil-qasam tal-kura tas-saħħa belgħet il-Coronavirus darbtejn f’temp ta’ 20 ġurnata. Skont xi riċerkaturi Spanjoli, dan hu l-iqsar żmien possibbli li fih persuna tista’ tkun infettata darbtejn bil-Coronavirus.

Minn testijiet li saru lil din il-mara, irriżulta li kienet infettata minn żewġ varjanti differenti tal-virus — id-Delta lejn l-aħħar ta’ Diċembru u mbagħad l-Omicron f’Jannar. 

Dr. Gemma Recio li tifforma parti mill-Istitut ta’ Catala de Salut fi Spanja, targumenta illi dan juri li anki jekk xi persuna tkun ġa ntlaqtet fil-passat mill-Covid-19, xorta waħda teżisti l-possibiltà li jerġa’ jaqbadha il-virus. Saħansitra anki jekk din il-persuna tkun ħadet it-tilqim neċessarju kontra l-virus. 

Madanakollu, Recio ma naqsitx milli tirrikonoxxi l-fatt li persuna illi fil-passat tkun ġiet infettata minn xi varjanti oħra tal-Covid-19 u l-fatt li tkun imlaqqma, dan jidher illi sa ċertu punt jgħin sabiex dawk li jkunu infettati bl-Omicron ma jispiċċawx f’qagħda severa u jevitaw li jiddaħħlu l-isptar.

Fl-Ingilterra, sa qabel Diċembru li għadda, 1% biss tal-każijiet tal-Covid-19 kienu jkunu persuni li ġa ġew infettati fil-passat; malli tfaċċaw l-Omicron u l-varjant BA.2., dan l-istess l-persentaġġ tela’ għal 11%. 

Uħud mix-xjentisti qed ibassru li eventwalment kull persuna minn madwar id-dinja se tkun intlaqtet darbtejn jew iktar mill-Covid-19 matul ħajjitha.

Ekonomija

Sport