Żewġ persuni nqatlu u diversi oħra ndarbu fi sparatura barra bar tal-birra f’Austin, Texas, f’inċident li l-FBI qed tissuspetta li jista’ jkun relatat mat-terroriżmu. Is-suspettat ġie identifikat bħala Ndiaga Diagne, ċittadin Amerikan naturalizzat imwieled fis-Senegal. F’dan, l-inċident indarbu 14 il-persuna u ittieħdu l-isptar, bi tlieta minnhom f’kundizzjoni kritika.
Il-pulizija ntalbu jassistu wara telefonati li kien hemm sparar attiv għall-ħabta tas-2.00 ta’ filgħodu ħin lokali nhar il-Ħadd ħdejn il-bar Buford’s fil-kapitali tal-istat tan-nofsinhar tal-Istati Uniti. Is-suspettat ġie maqtul mill-pulizija li kkonfrontawh.
Żewġ sorsi qrib l-investigazzjoni tal-pulizija qalu lil l-istazzjon CBS News li r-raġel armat kien liebes sweatshirt bil-kliem “Proprjetà ta’ Alla”.
Il-Kap tal-Pulizija ta’ Austin, Lisa Davis, qalet li l-uffiċjali li kienu fuq ronda fid-distrett tal-bar l-aktar popolari u ffullat magħruf bħala East Sixth Street wieġbu malajr għar-rapporti ta’ raġel b’pistola f’Buford’s, li jinsab ‘l isfel f’West Sixth Street.
Fid-deskrizzjoni li tat ta kif seħħet l-isparatura, Davis qalet li raġel f’vettura SUV li kien qed isuq ħdejn Buford’s xegħel id-dwal tal-vettura, niżżel it-tieqa tiegħu u spara pistola, u laqat lin-nies li kienu fil-bitħa u fuq il-bankina barra l-bar.
Wara, huwa pparkja l-vettura fil-qrib, ħareġ b’xkubetta u beda jimxi lura lejn il-bar. Tliet uffiċjali tal-pulizija dak il-ħin ikkonfrontaw lis-suspettat f’intersezzjoni, u sparawlu u qatluh.
L-uffiċjali tal-pulizija qalu li fi tfittxija fil-vettura SUV ma nstabu ebda splussivi. Madankollu, l-Aġent Speċjali inkarigat Alex Doran, mill-uffiċċju tal-FBI f’San Antonio, qal li kien hemm indikazzjonijiet fl-SUV u fuq is-suspettat li ssuġġerew rabta mat-terroriżmu.



