Saturday, December 21, 2024

Sparatura oħra f’università fl-Istati Uniti tħalli tliet persuni mejta

Aqra wkoll

Mill-inqas tliet persuni nqatlu u ħamsa oħra ndarbu wara li raġel armat fetaħ in-nar f’università fl-istat ta’ Michigan. Wara l-isparatura, l-allegat aggressur spara fuqu nnifsu.

Il-Pulizija ordnat lill-istudenti u lill-għalliema fl-Università biex jistaħbew wara li lbieraħ filgħaxija kien hemm rapporti ta’ tiri sparati għall-ħabta tat-8.30pm ħin lokali. L-istudenti u l-istaff ġew ordnati jevakwaw malajr ‘il bogħod mill-periklu u jsibu post sigur immedjatament u biex isegwu l-website tal-università għal aktar informazzjoni. Xi studenti nġabru ġewwa l-kmamar tagħhom u użaw is-sodod biex jimblokkaw il-bibien u jibqgħu sikuri.

L-uffiċjali ddeskrivew lis-suspettat bħala raġel qasir b’ġakketta tal-jeans u b’kappa f’rasu. Il-motiv tiegħu bħalissa għadu mhux magħruf, u l-Pulizija qalu aktar tard li s-susspettat miet b’ferita minn arma tan-nar wara li spara fuqu nnifsu barra l-kampus tal-università.

Dan ġara erba’ sigħat wara li ġew irrappurtati l-isparaturi, l-ewwel f’Berkey Hall u mbagħad fil-viċin fl-MSU Union, post popolari fejn jieklu jew jistudjaw l-istudenti.
Mill-inqas ħames vittmi ttieħdu l-Isptar, li wħud minnhom għandhom ġrieħi gravi u b’periklu għal ħajjithom.

Aedan Kelley, żagħżugħ li jgħix nofs mil fil-Lvant tal-kampus, qal li ssakkar il-bibien tiegħu u għatta t-twieqi tiegħu. “Kollox kien tal-biża’ ħafna,” iddeskriva s-sitwazzjoni dan iż-żgħażugħ.

L-awtoritajiet ħabbru tard it-Tnejn li l-attivitajiet kollha tal-kampus ġew ikkanċellati għal 48 siegħa, inklużi l-atletika u l-klassijiet. In-nies ġew avżati wkoll biex għalissa ma jersqux lejn il-kampus.

Il-Gvernatur Gretchen Whitmer ta’ Michigan qalet li kienet infurmata dwar is-sitwazzjoni u bagħtet l-appoġġ tagħha lill-istaff u lill-istudenti.

Ekonomija

Sport