Wednesday, December 25, 2024

“Sparawli u tellfuni għajni u minflok waqqfuni rvillajt fi protesta għal niesi” 

… Tqis li l-Ewropej ma japprezzawx il-libertajiet li għandhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Hemm affarijiet żgħar li intkom tistgħu ma tapprezzawx biżżejjed għax imdorrijin bihom. Imma xi ħadd bħali li mhux imdorri jgħix hekk jista’ jagħmel distinzjoni ħafna aktar tanġibbli”.  Sostniet dan f’intervista ma’ dan is-sit ir-rappreżentanta tal-moviment ‘Nisa, Ħajja u Libertà’ fl-Iran Mersedeh Shahinkar meta mistoqsija dwar x’inhuma dawk il-libertajiet li bħala Ewropej nistgħu ma napprezzawx li għandna meta kkumparat ma’ pajjiżha u pajjiżi b’reġim dittatorjali oħra. 

Shahinkar kompliet biex tgħid pereżempju l-fatt li fl-Ewropa tista’ tagħżel x’tilbes biex toħroġ, il-fatt li tista’ tidħak u togħxa, fejn tista’ titkellem tagħjat jew fejn le, imma reġim dittatorjali tista’ tinsa li jħallik tagħmel dan. Żiedet tgħid li hija sports trainer u lanqas biss tista’ ssuq ir-rota fit-triq fi xħin trid hi u dik verament iddejjaqha.

Mistoqsija jekk jiddispjaċihiex li spiċċat tilfet għajn minnhom fil-protesti Shahinkar qalet li tqis dak li seħħ bħala unur li għamlet għall-futur tan-niesha. Hija qalet li jekk ikollha tmur lura fiż-żmien għas-sena li għaddiet xorta terġa’ tinżel tipprotesta fit-toroq anke jekk swietha t-telfa ta’ għajn waħda. Qalet li wara li għamlet l-operazzjoni, bid-dressing f’għajnejha xorta kienet toħroġ fit-triq u l-uffiċjali tas-sigurtà kienu jagħrfu li kont waħda minn dawk tal-protesti. B’għajnha f’dak l-istat hija rrikorriet għall-midja soċjali u bdiet tiltaqa’ ma’ nisa oħra li spiċċaw b’diżabbiltajiet simili u wara li baqgħu jsemmgħu leħinhom, darba fost l-oħrajn kienet id-dar u r-reġim daħlu fuqhom u kissrulhom kulma kellhom. 

“M’għandix idea jekk kinux qegħdin ifittxu xi dokumenti jew ridux sempliċiment ibeżżgħuni”, kompliet biex tirrakkonta dwar x’wassalha biex fl-aħħar mill-aħħar titlaq mill-pajjiż lejn il-Ġermanja. Filwaqt li tenniet li ma tasal qatt twaqqaf din il-ġlieda tagħha kontra l-oppressjoni, l-opportunità li tivvjaġġa lejn il-Ġermanja ġiet f’waqtha u ma kinitx tagħmel sens li titlifha.

Staqsejnieha rigward ir-reġim tar-Repubblika Iżlamika fl-Iran u jekk hemmx xi sinjal ta’ tama li dan ibatti jew iwaqqaf is-sistema dittatorjali. Hawnhekk hija ċaħdet li hemm dan is-sens ta’ tama ta’ bidla. Saħqet li r-reġim qiegħed ikompli bl-opressjoni aktar minn qatt qabel u temmen li qegħdin jisparaw f’saqajhom b’dak li qegħdin jagħmlu. Iddeskriviet is-sitwazzjoni bħal ċiklu ta’ avvenimenti. Dan l-unur internazzjonali se jkompli jżid ir-rabja fost ir-reġim u dawn se jkomplu jintensifikaw bl-oppressjoni u għalhekk nemmen li n-nies se jkomplu jżidu r-rabja tagħhom kontra r-reġim sakemm ikunu f’pożizzjoni aħjar kontra l-istess reġim. 

“Nemmen li kull azzjoni ġġib magħha reazzjoni u r-reġim ħaseb li billi spara f’wiċċi u tellifni għajni se nibqa’ d-dar u ma nagħmel xejn, iżda dan il-każ wassal biex noħroġ aktar b’saħħti minn qatt qabel”, kompliet tispjega Shahinkar.

Meta kienet qiegħda tipprotesta qatt ma basret li se tkun qiegħda tasal biex tiġi rikonoxxuta b’dan il-premju u għalhekk filwaqt li huwa premju li jimliehom bil-kuraġġ għax huwa indikazzjoni li l-UE u l-Komunità Internazzjonali qegħdin jagħtu aktar każ tas-sitwazzjoni ta’ opressjoni mir-reġim Iranjan u għalhekk ir-responsabbiltà titlob aktar ħidma għal-libertà.

Rigward ir-reġim Iranjan, hija kompliet li dan qiegħed jitgħallem minn dittatorjati oħra bl-aktar metodi brutali ta’ kif iżid fl-opressjoni. 

Rigward jekk temminx li l-Ewropa tistax tgħin lil hinn mill-għoti ta’ dan il-premju, hija qalet li dan l-unur huwa simboliku iżda mhuwiex biżżejjed. Hemm bżonn li jittieħdu miżuri speċifiċi. Per eżempju li tirrikonoxxi lir-reġim bħala terroristi u twaqqaf il-ħruġ tal-visas u permess għal uffiċjali governattivi tar-repubblika Iżlamika għax dan qiegħed jagħtihom l-aċċess għall-interessi personali tagħhom u saħansitra vuċi.

Ekonomija

Sport