Bil-wasla tal-jiem aktar sħan tar-rebbiegħa, il-pubbliku hu mħeġġeġ sabiex igawdi l-ispazji ħodor miftuħa b’xejn fi tliet siti ta’ Heritage Malta – Villa Portelli, l-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, u l-Katakombi ta’ San Pawl. Dawn l-ispazji fil-beraħ joffru taħlita perfetta bejn is-sbuħija tan-natura u l-isfond kulturali.
Villa Portelli, li bħalissa qed tikseb ġmielha lura f’wieħed mill-proġetti ewlenin ta’ restawr ta’ Heritage Malta, tinsab wieqfa fuq l-għolja li tħares fuq ix-xatt tal-Kalkara fil-Port il-Kbir. Mibnija fil-bidu tas-seklu 19, din il-villa grandjuża – imsemmija għall-ewwel sid tagħha, in-negozjant u statista Agostino Portelli – rat lill-Kalkara tinbidel minn raħal ċkejken tas-sajjieda għal ċentru marittimu importanti. L-ispazji u l-ġonna tagħha, imsebbħa dan l-aħħar b’kollaborazzjoni ma’ Project Green, jiftħu għall-pubbliku kull nhar ta’ Ħadd mis-7:30 a.m. sal-4 p.m.
Mal-kosta panoramika tan-nofsinhar ta’ Malta, il-pajsaġġ li jdawwar il-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imajdra fil-Qrendi joffri ħarba idillika oħra mill-ħajja mgħaġġla li ngħixu llum il-ġurnata. B’fetħa mħaddra lejn il-Lvant u xagħri tul in-niżla lejn il-baħar, b’veduti li jsaħħruk tal-gżira ta’ Filfla u l-baħar miftuħ, din il-medda ta’ art biswit dan is-Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO hija ideali għall-mixi u biex wieħed jitgħaxxaq bi ġmiel id-dinja waqt li jgawdi x-xemx fi tlugħha jew fi nżulha. Post għal waqfa ta’ mistrieħ, binokli bla ħlas, rotot spjegati u interpretazzjoni matul it-triq jiżguraw żjara pjaċevoli u informattiva. L-aċċess huwa bla limitu u disponibbli minn mogħdija fuq ix-xellug tal-parkeġġ tas-sit.
Il-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat joffru opportunità oħra ta’ rilassament b’differenza. L-ispazji ħodor ta’ dan is-sit uniku jistgħu jitgawdew bla ħlas mill-pubbliku wara l-ħinijiet tal-ftuħ. B’bankijiet tal-injam u faċilitajiet oħra għall-kumdità tal-pubbliku, dan l-ispazju joffri oasi ta’ sliem qrib il-qalba tar-raħal. Dawn il-katakombi, li kienu jintużaw għad-dfin matul żmien il-Feniċi, ir-Rumani u l-Biżantini, jirrappreżentaw l-eqdem u l-ikbar evidenza arkeoloġika ta’ Kristjanità f’Malta. L-aċċess fl-ispazji ħodor tas-sit huwa permess mit-8 p.m. sal-10 p.m., skont il-ħinijiet tal-ftuħ sa’ Ottubru 2025.
Kwalunkwe tibdil li jseħħ ’il quddiem ikun imniżżel fuq is-sit ta’ Heritage Malta, propju fis-sezzjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ. Għaldaqstant, għal aktar tagħrif dwar kull wieħed minn dawn l-ispazji, wieħed jista’ jżur is-sit ta’ Heritage Malta fuq https://heritagemalta.mt/ jew iċċempel fuq 2295 4300.