L-inawgurazzjoni ta’ Ġnien tal-Fuklar f’Ħ’Attard jirrappreżenta pass ieħor pożittiv fir-riġenerazzjoni tal-ispazji miftuħa f’pajjiżna. Il-proġett trasforma sit li qabel ma kienx jintuża u kien mimli konkrit f’ġnien pubbliku li jsaħħaħ il-kwalità tal-ambjent tal-madwar.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli flimkien ma’ membri tal-kunsill lokali ta’ Ħ’Attard u t-tim ta’ Project Green.
Ġnien tal-Fuklar jinsab għaxar minuti mixi għal aktar minn 7,000 resident, u joffri spazju aħdar li jinkludi fih ir-rikreazzjoni u l-integrazzjoni soċjali. Dan il-proġett tejjeb il-kundizzjonijiet ambjentali filwaqt li ħoloq spazju li huwa faċilment aċċessibbli għall-komunità lokali.
“Proġetti bħal dawn juru kif ir-riġenerazzjoni urbana tista’ tkun prattika, imkejla, u ffukata fuq il-bżonnijiet ta’ kuljum tar-residenti. Permezz ta’ aċċessibbiltà aħjar u t-tħawwil ta’ aktar siġar, qed nagħmlu użu aħjar mill-ispazju limitat filwaqt li nsaħħu l-kwalità ambjentali tal-ibliet u l-irħula tagħna. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-azzjoni ffukata fuq il-ħtiġijiet tal-lokalità tista’ twassal għal benefiċċji reali għar-residenti fil-viċinanzi tagħhom,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni kienu bbażati fuq il-prinċipji ta’ responsabbiltà ekoloġika u użu fit-tul. Is-siġar u l-arbuxxelli kollha eżistenti ġew ippreservati biex jinżamm il-valur ekoloġiku ta’ dan il-ġnien. Żoni pavimentati bil-konkrit ġew skavati sa fond ta’ metru u mibdula b’ħamrija addatata, li ppermettiet it-tħawwil ta’ 25 siġra u 283 arbuxxella oħrajn. Ġie introdott pavimentar permeabbli biex jitjieb l-assorbiment tal-ilma u jnaqqas it-tnixxija tal-ilma, kif ukoll żoni fejn in-nies jistgħu jpoġġu bilqiegħda u żoni għad-dell jappoġġjaw użu regolari u estiż tal-ġnien.
L-aċċessibbiltà u l-konnettività kienu elementi kruċjali matul il-proġett kollu. Il-passaġġi madwar il-ġnien, inklużi dawk li jwasslu lejn iż-żona tal-laqgħat tal-anzjani, ġew iddisinjati biex ikunu mingħajr ostakli. Żewġ ġonna oħra eżistenti ġew konnessi ma’ dan il-ġnien permezz ta’ pavimentar Porfido, u b’hekk tejbu l-passaġġ għall-persuni li jkunu qed jagħmlu l-mixja tagħhom filwaqt li dan l-ispazju jintegra aħjar mal-ambjent tal-madwar.
Karatteristiċi addizzjonali bħall-gazebo u strutturi tal-kannizzati jappoġġjaw it-tkabbir tal-pjanti u jipprovdu żoni għad-dell fejn jiltaqgħu n-nies. L-ispeċi tal-pjanti ntgħażlu biex jappoġġjaw il-bijodiversità, filwaqt li l-ilma għall-irrigazzjoni jiġi provdut minn ġibjun eżistenti, biex jiġi żgurat użu aktar sostenibbli tar-riżorsi. Dawn l-interventi flimkien itejbu kemm il-prestazzjoni ambjentali kif ukoll il-funzjoni soċjali tal-ġnien.
Is-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina rringrazzja lill-Ministeru u Project Green “tal-għajnuna kbira għal-lokalità tagħna, li minnha se jgawdu r-residenti.”

