Monday, March 30, 2026

Spazju ġdid fuq barra għall-pazjenti u l-familji ta’ Hospice Malta ffinanzjat mill-VOPS

Aqra wkoll

Il-Hospice Malta inawgura spazju ġdid fuq barra, maħsub sabiex jipprovdi serenità u appoġġ lill-pazjenti u l-familji tagħhom. Dan l-ispazju, li qiegħed f’ambjent ta’ ġonna u btieħi miftuħa, joffri ambjent rilassat fejn il-pazjenti jistgħu jinteraġixxu mal-familji tagħhom, bil-privatezza meħtieġa, f’mumenti ta’ trankwillità.

Dan il-proġett, iffinanzjat mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, jinkludi t-tagħmir neċessarju għall-għamara tal-ġnien, inkluż siġġijiet, mwejjed u bankijiet b’investiment ta’ €20,000.


Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandolo.

Is-servizzi tal-Hospice Malta huma varji u l-irwol primarju huwa li tipprovdi kura palljattiva fil-gżejjer Maltin. Il-bini l-ġdid f’St Michael Hospice jinkludi terapija ta’ matul il-jum, 16-il sodda, kliniċi, faċilitajiet għall-fiżjoterapija, psikoloġija u appoġġ soċjali, emozzjonali u spiritwali, flimkien ma’ btieħi, ġonna u spazji miftuħa.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia fissret kif “F’mumenti fejn il-ħajja tkun l-aktar delikata, il-kwalità tal-kura u d-dinjità tal-persuna jsiru l-akbar prijorità. Dan l-ispazju ġdid mhuwiex biss investiment finanzjarju imma huwa investiment fil-kompassjoni, fir-rispett u fil-valuri li jiddistingwu s-soċjetà tagħna. Permezz tal-appoġġ tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, qed nagħtu sinjal ċar li Gvern li jisma’ u jaġixxi huwa Gvern li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.”

“Il-ħidma straordinarja tal-Hospice Malta tfakkarna li l-qawwa ta’ pajjiż ma titkejjilx biss bl-ekonomija, iżda bil-mod kif nieħdu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli fostna. Aħna determinati li nkomplu ninvestu f’inizjattivi bħal dawn, biex kull familja Maltija u Għawdxija tħoss li f’dawn il-mumenti diffiċli qatt ma tkun waħedha,” temmet tgħid il-Ministru.

Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo rringrazzja lil Hospice Malta għax-xogħol kollu li jagħmlu fis-soċjetà u awguralhom ħidma sfieqa għall-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport