Fiż-żona Ta’ Ramija, fis-Siġġiewi, spazju bla ħajja u mhux utilizzat inbidel fi spazju miftuħ u aħdar għall-familji Siġġiwin.
B’ħidma mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u b’investiment ta’ aktar minn €250,000, ir-riġenerazzjoni totali ta’ din iż-żona rat it-tħawwil ta’ 14-il siġra, 242 arbuxell, u 2,100 pjanta ġdida fuq madwar tomna art.
Saru wkoll xogħlijiet fuq sistema ġdida ta’ irrigazzjoni għax-xtieli mħawla, sistema ġdida ta’ sigurtà, sistema ġdida ta’ dawl, għamara ġdida għal barra u xogħlijiet estensivi ta’ landscaping.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, akkumpunjat mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi Julian Borg, spjega li: “Dan il-proġett ta’ spazju miftuħ mhuwiex biss sbuħija fiċ-ċentru tas-Siġġiewi, iżda simbolu tal-impenn tal-gvern li nippromwovu aktar spazji miftuħa għall-benefiċċju tar-residenti.”
Is-segretarju parlamentari enfasizza li l-viżjoni tal-gvern f’dak li għandu x’jaqsam spazji miftuħa qiegħda tikkontribwixxi f’soċjetà aktar inklussiva, fejn ma tirbaħx lokalità jew oħra, iżda l-pajjiż kollu. “Bil-għan li nilħqu l-għanijiet tagħna għal futur aktar sostenibbli u ġust, dan l-ispazju miftuħ ġdid jibgħat messaġġ ċar li l-komunità hija l-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu,” huwa temm jgħid.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Julian Borg saħaq dwar l-importanza ta’ dan l-ispazju miftuħ ġdid mhux biss għar- residenti li joqogħdu f’din iż-żona iżda għas-Siġġiwin kollha. “Bil-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b’sinerġija mal-kunsill lokali, illum ser ingawdu minn spazju pubbliku ieħor.”