Il-Ġnien tal-Marina fil-qalba tal-lokalità tal-Pietà, li jkopri aktar minn 4,400 metru kwadru ta’ spazju miftuħ, ġie riġenerat u inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia.
Il-proġett sar mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) bil-kollaborazzjoni ta’ Ambjent Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-ġnien li kien mitluq issa joffri spazju modern, sigur u aċċessibbli għall-familji, tfal, anzjani, kif ukoll għal dawk li jagħżlu li jużawh għal post ta’ rikreazzjoni jew biex jagħmlu l-attività fiżika, wara xogħol estensiv ta’ riġenerazzjoni.
Il-Ministru għall-Ambjent Dr Miriam Dalli enfasizzat l-irwol essenzjali ta’ spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet. “B’dan il-proġett qed nagħtu lura spazju sabiħ u sigur li mhux biss jirrispetta l-karatteristiċi storiċi tiegħu, imma fl-istess waqt joffri opportunitajiet ġodda ta’ rikreazzjoni għal kulħadd. Huwa spazju fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin flimkien, fejn it-tfal jistgħu jilagħbu u fejn kulħadd jista’ jistrieħ f’ambjent sabiħ u nadif,” qalet il-Ministru Dalli.

“Barra minn hekk, il-ġnien joffri passiġġi siguri għall-mixi u għal dawk li jagħmlu attivitajiet fiżiċi, jinkoraġġixxi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha, u jsaħħaħ ukoll il-karattru ekoloġiku u l-bijodiversità tal-lokalità.”
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia rrimarka kif dan huwa proġett ieħor minn numru ta’ proġetti oħrajn li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi assista lill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika biex ikun jista’ jitgawda mill-familji Maltin b’mod ħolistiku. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq xogħol relatat mal-funtana li tinsab ġewwa dan il-ġnien.
“L-ambjent verament huwa għal qalbna u din is-sinerġija bejn entitajiet governattivi differenti tixhed dan l-impenn u ssaħħaħ il-viżjoni tagħna li rridu nkomplu noħolqu ambjent sabiħ u sigur għal kulħadd,” qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Farrugia semma wkoll li bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, bħalma ħabbar fix-xhur li għaddew, ser ikompli jara li jinħolqu aktar żoni pedonali fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna kif ukoll jitwettqu numru ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa fejn il-familji Maltin jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mat-tfal tagħhom.
Dan il-proġett inkluda greenway ta’ madwar 210 metru, iddisinjati biex joffru passaġġ mingħajr ostakli għas-sewwieqa ta’ roti u joggers, u fl-istess ħin jiżgura li l-użu rikreattiv tal-ġnien mill-pubbliku jibqa’ sigur. Barra minn hekk, ġew mibdula madwar 980 metru kwadru ta’ passaġġi għall-mixi biex joffru ambjent iktar sigur. Saret manutenzjoni fuq il-bankijiet kollha u ġew introdotti bandli u struttura ġdida għall-eżerċizzji fil-miftuħ.
Sar ukoll titjib fil-faċilitajiet rikreattivi, fil-funtana u fis-sistema tad-dawl tal-ġnien, biex il-viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata. Ġie assigurat ukoll ir-restawr u l-manutenzjoni tal-monumenti eżistenti fil-ġnien, sabiex jinżamm il-valur storiku u kulturali tiegħu.
Bħala parti minn dan il-proġett, Ambjent Malta ħawlet numru ta’ siġar, arbuxelli u pjanti staġjonali. Dawn ġew akkumpanjati b’sistema ta’ irrigazzjoni ġdida biex tiżgura tisqija effiċjenti u sostenibbli matul is-sena kollha u tkompli ssaħħaħ il-karattru ekoloġiku tal-ġnien.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm rappreżentanti mill-Kunsil Lokali tal-Pieta inkluż is-sindku Stefano Savo, it-tim tal-GHRC inkluż il-Kap Eżekuttiv Gino Cauchi, u t-tim ta’ Ambjent Malta inkluż id-Direttur Ġenerali Herman Galea, kif ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Stephen Bonello.
Il-proġett jikkumplimenta l-investiment li sar tul ix-Xatt tal-Imsida u l-promenade tal-Pietà biex iż-żona tal-Port il-Kbir tkun mgħammra bi promenade kontinwu, modern u sigur.