F’żona fejn ftit tax-xhur ilu kien hemm biss latrina pubblika u art tal-konkos, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi bidilha fi spazju miftuħ u pedonali għar-residenti Żebbuġin.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, akkumpanjat mis-Sindku Steve Zammit Lupi, seta’ jara l-ħajja ġdida li din iż-żona, fi Triq Sciortino, ingħatat wara xogħlijiet estensivi ta’ riġenerazzjoni.
B’sinerġija bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-kunsill lokali, minflok il-latrina pubblika, illum hemm ġibjun b’ħażna ta’ madwar 200,000 metru kubu ta’ ilma. Dan il-ġibjun, li ser ikun qiegħed jiġbor fih l-ilma tax-xita, ser jintuża għat-tisqija tax-xtieli l-ġodda li ġew miżrugħa kif ukoll għaż-żamma tal-indafa ta’ din iż-żona.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia esprima sodisfazzjon dwar kif ir-riġenerazzjoni li seħħet f’din iż-żona llum qiegħda tissarraf f’ħajja ta’ kwalità aħjar għar-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn familji, żgħażagħ u anzjani qegħdin igawdu minn ambjent isbaħ.
“Bħala Gvern, kif ukoll bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, wegħedna li ċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna rriduhom ikunu mimlijin ħajja, bi proġetti min-nies għan-nies. Dan il-proġett fejn qegħdin naraw il-ħolqien ta’ pjazzetta ġdida huwa eżempju ħaj ta’ dak li rridu nibqgħu nwettqu lokalità wara oħra,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.
Is-Sindku Steve Zammit Lupi qal kif grazzi għax-xogħlijiet li saru u bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-kunsill lokali jinsab ħerqan biex dan l-ispazju miftuħ ġdid jibda jintuża għall-attivitajiet li jtella’ matul is-sena.