Saturday, November 16, 2024

Spazju ta’ pparkjar li kien għall-użu pubbliku f’Santa Luċija jispiċċa mikri lill-privat

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Spazju ta’ pparkjar li kien għall-użu pubbliku u jesa’ oriġinarjament madwar 25 karozza, mil-bidu ta’ Settembru li għadda “inbela” b’ipparkjar ta’ aktar minn 100 karozza ta’ kumpanija privata. Din il-kwistjoni qamet f’Santa Luċija eżattament fl-ispazju ta’ pparkjar tal-klabb tal-football lokali.

Jissieltu bejniethom hemm Charmaine St John, is-Sindku tal-Kunsill Lokali Santa Luċija u l-amministrazzjoni tal-FC Santa Luċija bi SportMalta bħala l-entità responsabbli mill-allokazzjoni tal-amministrazzjoni ta’ dan il-klabb, ikollha tintervjeni legalment. 

F’intervista ma’ St John, Sindku li issa daħlet fit-tieni terminu tagħha, naraw kif evolviet din is-sitwazzjoni u x’inhu mistenni li jsir hekk kif din il-lokalità, bħal ħafna lokalitajiet oħra, qiegħda aktar ma tmur tesperjenza limitazzjonijiet fi spazji ta’ pparkjar għar-residenti. L-għan wara l-ħidma tagħha huwa wieħed ċar – dak li dan l-ispazju jerġa’ jkun jista’ jitgawda mir-residenti ta’ Santa Luċija.

Il-minuti tal-laqgħa juru li l-kwistjoni ġiet diskussa

“Meta laħaq il-President il-ġdid tal-klabb tal-football ta’ Santa Luċija, għamilna laqgħa informali fil-Kunsill Lokali fejn kien hemm preżenti staff tal-Kunsill. Wara bagħatli l-minuti tal-laqgħa fejn fost l-oħrajn kien hemm suġġeriment li fih huwa qal li se jikri l-car park. Jien minn hemm għidtlu li se ntella’ dawn il-punti kollha mal-kunsilliera kollha fis-seduta li kien imiss tas-17 ta’ Lulju u fil-fatt, hekk għamilt. F’din il-laqgħa tellajt il-punti kollha li kien tella’ l-President u lill-Kunsilliera għidtilhom li jien kont diġà bdejt infittex mal-Awtorità tal-Artijiet biex nara jekk setax jikri dan il-car park, kif ukoll mal-Awtorità tal-Ippjanar biex nara kienx hemm xi applikazzjoni. Kien hemm suġġeriment minn Kunsillier Nazzjonalista biex nibdew inkellmu nutar ħalli naraw il-fatti kif inhuma u hekk għamilna. Ġara, però, li saret xatba u bdew ġejjin il-karozzi.”

Hekk spjegat is-sitwazzjoni s-Sindku Charmaine St John fejn speċifikat li l-ipparkjar ta’ dawn il-karozzi tal-privat ma kellux bżonn il-permess tal-Kunsill Lokali għax l-art inkwistjoni hija allokata minn SportMalta. Elaborat li, “aħna skoprejna li din l-art hija ta’ SportMalta li kienu taw l-amministrazzjoni lil Santa Lucia Football Club. Bdejt nitkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta fejn qalli li s-Santa Lucia FC ma setgħux jikru dan l-ispazju ta’ pparkjar. Sadanittant iċċekkjajt mal-Awtorità tal-Ippjanar biex naraw jekk kienx hemm applikazzjoni ta’ bidla fl-użu ta’ dan il-parkeġġ”. 

F’din il-kwistjoni kollha St John qalet li bħala kuntratti f’idejhom m’għandhomx u meta talbithom lil SportMalta dawn qalulha li huma m’għandhomx kuntratt u li, “infatti, dan kollu huwa llegali. Qaluli li kieku kellhom kuntratt, ma kienux iħallu din il-biċċa xogħol issir”. Fuq il-post is-Sindku ta’ Santa Luċija wrietna email minn SportMalta fejn infurmawha li ntavolaw ittra lill-Qrati Maltin fir-rigward ħalli jittieħdu azzjonijiet u li se ssir notifika b’mod urġenti.

Dawn il-passi legali ġew ikkonfermati ma’ dan il-ġurnal minn SportMalta fejn qalulna li, “SportMalta bdiet proċeduri legali kif jixraq kontra l-klabb. L-art ingħatat lill-klabb biex jiżviluppaha f’faċilità sportiva”.

L-ispazju għall-ipparkjar qed jonqos ħafna

… Qiegħda ssir problema

Min-naħa tagħha s-Sindku ta’ Santa Luċija indirizzat ukoll allegazzjoni li saret fil-konfront tagħha. St John spjegat li akkużawha li hija ma ddiskutietx il-pjan ta’ ipparkjar ta’ karozzi privati fis-Santa Lucia FC mal-kunsilliera l-oħra. Dan meta, hekk kif saħqet, “hemm il-minuti tal-laqgħa tas-17 ta’ Lulju fejn juru li jien iddiskutejt mal-kunsilliera. Intqal lin-nies li jien kont naf u mexxejt minn wara daharhom meta fil-verità, jien ippreżentajt kollox.  

St John fuq il-post qaltilna “kif qegħdin taraw hawnhekk, għal dawn l-aħħar snin, kien jintuża għall-ipparkjar mir-residenti. Dawn il-karozzi tas-Sicily by Car huma kollha pparkjati llegalment. Nixtieq li dawn joħorġu malajr kemm jista’ jkun. Aħna għamilna kuntatt mal-avukata tagħna li qiegħda f’kuntatt mal-avukata ta’ SportMalta. L-avukata ta’ SportMalta qaltilna fil-fatt li huma qegħdin bil-qorti biex titneħħa din l-illegalità kollha. Jien min-naħa tiegħi wkoll għamilt talba mal-Ministeru biex din il-biċċa art tingħata lura, kif kienet, lir-residenti ta’ Santa Luċija”.

Finalment, mistoqsija jekk għandhomx problemi ta’ pparkjar f’Santa Luċija, is-Sindku Charmaine St John spjegat li qabel ma kellhomx din it-tip ta’ problema imma ppuntwalizzat li, “jekk jieħdulhom dawn l-ispazji, ikollhom problema fiż-żona. Dan anke għall-fatt li ftit aktar ‘l isfel hemm l-Għassa tal-Pulizija bid-Domestic Violence Support Unit u allura qiegħed jonqos ħafna l-ispazju. F’din iż-żona, iva, għandna bżonn spazju għall-ipparkjar għax qiegħed jonqos ħafna”.

Ekonomija

Sport