Sunday, November 24, 2024

Special Olympics: Suċċess kbir mill-atleti Maltin bir-rebħ ta’ 192 midalja

Aqra wkoll

L-organizzaturi u l-atleti Maltin ma setgħux taw wirja aqwa milli taw meta fit-tlett ijiem ta’ kompetizzjoni ta’ li Special Olympics Invitational Games li saru f’pajjiżna stess, rebħu total inkredibbli ta’ 192 midalja li bejn wieħed u ieħor ġew maqsuma kważi ugwalment fit-tliet kuluri – 65 tad-deheb, 60 tal-fidda u 67 tal-bronż.

Dawn il-Logħob, li fihom ħadu sehem madwar 1,000 atleta fejn aktar minn 400 kienu Maltin, ġew dikjarati magħluqa meta nhar it-Tlieta saret iċ-Ċerimonja tal-Għeluq li kienet tikkonsisti minn diskorsi mill-President ta’ li Special Olympics, David Evangelista, u mill-president ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela, waqt li tniżżlet il-bandiera tal-Logħob kif ukoll minn spettaklu ta’ kant minn artisti Maltin.

Il-kontinġent Malti ħa sehem fis-sitt dixxiplini differenti li saru li fihom ħadu sehem 23 pajjiż ieħor bl-atleti lokali jagħtu wirjiet qalbiena u rebbieħa kif juri t-total ta’ midalji li rebħu matul l-avveniment li sar fuq tlett ijiem.

L-atleti Maltin offrew prestazzjoni qawwija fl-atletika, fil-bocce, fil-bowling u fl-għawm, waqt li fil-football u fit-table tennis ir-rebħ tal-midalji ma kienx daqstant kbir iżda xorta taw is-sehem tagħhom biex huma wkoll żiedu mat-total li wasal ferm viċin il-200 midalja.

L-aktar li ġew mirbuħa midalji kien fl-għawm meta t-total tal-għawwiema tagħna tellgħuh għal 56 waħda meta kisbu l-ogħla numru fit-tliet kuluri fejn rebħu 17 tad-  deheb, 17 tal-fidda u 22 tal-bronż.

Fl-atletika ġie miksub total ta’ 47 midalja fejn 16 kienu tad-deheb, 16 ukoll tal-fidda u 15 tal-bronż. Bla dubju prestazzjo­ni mill-aqwa wkoll bħal ma kienet fid- dixxiplina tal-bocce li saret taħt is-saqaf fl-Universitá.

Hawnhekk l-atleti tagħna rebħu 16-il mi­dalja tad-deheb, 15 tal-fidda u 17 tal-bronż għal total fantastiku ieħor ta’ 48 midalja.

Fil-bowling, li sar fl-Eden Super Bowl, f’Paceville, il-players tagħna kellhom prestazzjoni kbira wkoll meta ġew mirbuħa 35 midalja li minnhom 14 kienu tad-deheb, 9 tal-fidda u 12 tal-bronż.

Fil-football, it-team Malta Red rebaħ il-midalja tad-deheb filwaqt li fit-table tennis, il-Maltin kisbu ħames midalji, waħda tad-deheb, tlieta tal-fidda u waħda tal-bronż.

B’hekk wara li assistejna għal wir­jiet mill-aqwa mill-atleti tagħna forsi issa wieħed iktar japprezza u jammira l-qlubija tagħhom u għaliex fil-passat dej­jem jaslu Malta kuntenti bi tbissima fuq fommhom aħseb u ara issa li rebħu total inkredibbli ta’ midalji quddiem il-pubbliku Malti speċjalment il-membri tal-familji tagħhom.

Nawgurawlhom li jiskbu iktar suċċess fil-futur!

Sport